Aġġornata: Il-President tikkritika rapporti ‘sensazzjonali’ dwar x’qalet fuq Pilatus Bank

L-Uffiċċju tal-President ikkritika lil “ċertu individwi” talli ħolqu sensazzjonaliżmu bbażat fuq mistoqsija dwar Pilatus Bank li l-Preisdent Marie-Louise Coleiro Preca kienet qed tirrispondi. Fir-Renju Unit, Coleiro Preca qalet li s’issa ma hemm l-ebda prova legali dwar x’kien qed jagħmel Pilatus Bank.

Coleiro Preca qalet dan waqt li kienet qed twieġeb il-mistoqsijiet ta’ studenti f’sessjoni organizzata mill-Oxford Union fir-Renju Unit. Fost il-mistoqsijiet kien hemm waħda dwar il-bank Pilatus u oħra dwar il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Mistoqsija dwar is-sitwazzjoni f’Malta wara l-iskandlu tal-bank Pilatus, Coleiro Preca ddeskriviet ir-regolamenti f’Malta bħala “regolati”.

“In fatti, fl-2008 meta kien hemm il-kriżi finanzjarja, konna veru fortunati li ma ġejniex affettwati grazzi għar-regolamenti bankarji sodi.”

Skont Coleiro Preca, s’issa ma hemm l-ebda prova legali dwar x’kien qed jagħmel il-bank. Qalet li kien hemm investigazzjonijiet u li temmen li dawn l-investigazzjonijiet għadhom qed isiru. Fakkret li l-liċenzja ta’ Pilatus Bank ġiet irtirata.

“Il-kwistjoni ta’ Pilatus Bank lanqas tant….ma kienetx imqajjma….meta kien hemm il-każ fl-Istati Uniti mingħalija fejn iċ-Ċerpersin tal-Bank kien fil-fatt qed jagħmel in-negozju mal-Amerka Latina kif il-Kummissarju Għoli qed jgħidli” stqarret Coleiro Preca, bl-għajnuna tad-delegazzjoni li kien hemm preżenti magħha.

“Hemm din il-kumplikazzjoni sħiħa….imma dan kien bank privat. Dak li kien neċessarju biex isir mill-awtoritajiet Maltin sar,” temmet tgħid Coleiro Preca.

“Ħadd mhu kuntent b’dak li ġara”

Coleiro Preca ffaċċjat mistoqsija oħra dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fi kliem il-President, dan kien bla dubju wieħed mill-aktar mumenti ta’ niket fl-istorja riċenti ta’ Malta. Fil-fehma tal-President, ħadd m’hu kuntent b’dak li ġara.

Skont Coleiro Preca, l-evidenza ta’ kemm il-Gvern ħa din il-kwistjoni bis-serjetà kienet il-mod kif mill-ewwel involva awtoritajiet barranin fil-każ. Bl-għajnuna tad-delegazzjoni preżenti magħha, Coleiro Preca elenkat l-awtoritajiet min-Netherlands, il-Finlandja, Scotland Yard, u l-FBI bħala dawk l-aġenziji li kienu involuti. Żiedet tgħid li dawn l-aġenziji barranin ġew Malta biex jgħinu lill-Pulizija ta’ Malta tinvestiga l-assassinju tal-ġurnalista.

Coleiro Preca fakkret li hemm tliet persuni li jinsabu taħt arrest akkużati li qatlu lil Daphne Caruana Galizia. Qalet li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. Qalet li l-Prim Ministru Joseph Muscat qal li se jagħmel minn kollox biex isib min kien il-moħħ wara l-assassinju (will leave no stone unturned). Qalet li huwa importanti ħafna li dan isir.

Il-famlija tal-ġurnalista assassinata ilha mis-sena l-oħra tappella lill-Gvern biex jiftaħ inkesta pubblika dwar il-każ. Il-Gvern s’issa għadu ma laqax din it-talba.

Qabel il-mistoqsijiet mill-istudenti, Coleiro Preca indirizzat lill-membri ta’ Oxford Union fejn tkellmet dwar l-importanza tad-drittijiet tal-bniedem fid-dawl tat-tfakkir mis-70 sena anniversarju mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan għamlitu waqt żjara f’Oxford, fl-Ingilterra.

L-Uffiċċju tal-President bagħat stqarrija dwar dan fit-18 ta’ Jannar. L-istqarrija ma għamlet l-ebda referenza għal dak li qalet dwar il-bank Pilatus u dwar il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia. Dwar il-mistoqsijiet tal-istudenti, l-istqarrija qalet biss li “Coleiro Preca ħadet sehem ukoll f’sessjoni ta’ Q&A fejn il-membri kellhom l-opportunità jistaqsu mistoqsijiet dwar diversi temi kurrenti.”

Tista’ tara l-filmat sħiħ tas-sessjoni minn hawn.

F’reazzjoni għal dan ir-rapport, il-Membru tal-Parlament Ewropew Nazzjonalista David Casa qal li Pilatus Bank kien qed jaħsel il-flus għad-ditatturi tal-Ażerbajġan u anke għal nies Maltin. Casa qal li jkun aħjar jekk wieħed ma jiddefendix dan il-bank fil-pubbliku.

#PilatusBank was given a license and allowed to operate in Malta to the detriment of our financial sector because it…

Posted by David Casa on Wednesday, February 20, 2019

Is-sid u ċ-ċermen tal-Bank Pilatus Ali Sadr Hashemi Nejad kien ġie arrestat fl-Istati Uniti fejn qed jiġi akkużat li pparteċipa fi skema ta’ evażjoni tas-sanzjonijiet Amerikani kontra l-Iran billi uża l-Veneżwela biex jgħaddi €94 miljun, ekwivalenti għal $115 miljun mill-Istati Uniti għall-Iran. Hu qed iwieġeb mhux ħati.

Id-diretturi tal-Bank Pilatus kienu infurmati li l-liċenzja tal-bank kienet revokata mill-Bank Ċentrali Ewropew (ECB) madwar sentejn minn wara li kienu bdew ħirġin l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-bank.

Fi stqarrija l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta kienet qalet li hi kienet proponiet li l-liċenzja tal-Bank Pilatus tiġi revokata f’Ġunju 2018, tliet xhur wara li d-direttur u s-sid tal-bank spiċċa arrestat fl-Istati Uniti b’akkużi ta’ ħasil tal-flus. Il-Kap ta’ Delegazzjoni u l-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa kien rrapporta l-bank lill-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew f’Novembru 2017 biex jintervjeni dwar il-każ.

Il-President kienet qed tirreferi għall-evidenza fil-Qorti fl-Istati Uniti – l-Uffiċċju tal-President

Fi stqarrija, b’reazzjoni għal “rapport fil-midja lokali” l-Uffiċċju tal-President qal li meta l-President qalet li ma kienx hemm provi dwar x’qed jagħmel Pilatus Bank, Coleiro Preca kienet qed tirreferi għall-evidenza fil-Qorti peress li l-każ kontra ċ-Ċerpersin tal-bank għadu għaddej fl-Istati Uniti. L-Uffiċċju qal li bħalissa m’hemm l-ebda proċeduri legali kontra l-bank f’Malta.

L-Uffiċċju qal li huwa ta’ dispjaċir li ċerti individwi għażlu li jieħdu l-kummenti tal-President barra mill-kuntest tagħhom biex joħolqu s-sensazzjonaliżmu, “meta t-tifsira intiża tar-rimarki tal-President kienet ċara ħafna.”

Filmat: Oxford Union