Filmat: ‘Sirena’ f’ġieħ lil dawk li bħalissa qed jagħmlu xogħol erojku

Is-Simon Schembri Blue Light Foundation ħarġet kanzunetta biex tagħti ġieħ lil dawk li bħalissa qed jagħmlu xogħol erojku f’dawn iż-żminijiet mit-theddida tal-imxija tal-coronavirus.

Il-kanzunetta Sirena għandha kompożizzjoni ta’ Paul Giordimana u nkitbet minn Fleur Balzan. Fil-vidjo tal-kanzunetta jidhru l-kantanti Glen Vella, Mike Spiteri, Corazòn Mizzi, JAnvil u Eleonor Cassar kif ukoll għadd ta’ ħaddiema, fosthom pulizija, dawk fil-qasam mediku u oħrajn, li jissugraw ħajjithom kuljum biex jagħtu l-għajnuna tagħhom lil min ikun jeħtieġa.

Il-fondazzjoni qalet li l-kanzunetta kien hemm il-ħsieb li tinħareġ fil-15 ta’ Mejju f’għeluq l-ewwel anniversarju minn mindu l-pulizija tat-traffiku Simon Schembri kien imdaħħal f’inċident li fih kważi tilef ħajtu. Iżda nħarġet issa meta hawn il-bżonn li wieħed jagħraf ix-xogħol u d-dedikazzjoni ta’ dawk li qed jagħmlu xogħolhom bi qlubija kbira.