Filmat: “Sinjal pożittiv li l-PM iqis kull ħajja indispensabbli” – l-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li huwa sinjal pożittiv li l-Prim Ministru l-ġdid Robert Abela jqis kull ħajja bħala indispensabbli.

Huwa u jitkellem mal-ġurnalisti wara l-ewwel laqgħa formali tiegħu ma’ Abela, Mons. Scicluna ddeskriva l-laqgħa bħala waħda pożittiva ħafna.

Qal li hu jirrispetta l-għażla ta’ Abela li jħares Artiklu 2 tal-Kostituzzjoni li jirrigwarda r-reliġjon Kattolika Appostolika hija r-reliġjon ta’ Malta. Jirrispetta wkoll il-fehma ta’ Abela li huwa kontra l-abort.

Waqt intervista fuq l-istazzjon nazzjonali din il-ġimgħa, il-Prim Ministru Robert Abela qal li jekk l-eks Prim Ministru Joseph Muscat se jaħdem favur l-abort, se jsib lilu kontrih.

Scicluna żied jgħid li hu sinjal pożittiv li Abela jirrispetta l-istorja ta’ Malta li m’għandhiex tiġi kkalpestata biex wieħed ikun liberali. Qal ukoll li l-libertà ta’ persuna li ma jkollha l-ebda twemmin hija wkoll imniżżla fil-Kostituzzjoni, għaldaqstant huwa jaħseb li kulħadd għandu jkollu libertà reliġjuża.

Skont l-Arċisqof, l-abort huwa kwistjoni tal-umanità. “Jekk irridu nieħdu ħsieb il-ġenerazzjonijiet futuri, irridu nħalluhom jitwieldu,” qal Mons. Scicluna. Żied ukoll li s-soċjetà m’għandhiex tiġġudika lin-nisa imma tipprovdihom bl-għajnuna u s-sapport kollu li għandhom bżonn.