Filmat: “Silvio Parnis ħadem tajjeb imma ħassejt li kellha ssir ir-reshuffle” – Il-PM

Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li Silvio Parnis ħadem tajjeb bħala Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabbiltà u għall-Anzjanità Attiva, imma ħass li kellha ssir ir-reshuffle tal-Kabinett.

Dan il-kliem qalu hu u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dalgħodu wara konferenza tal-aħbarijiet.

Huwa spjega li ż-żewġ setturi li kienu f’idejn Parnis ġew elevati għal ministeri, u dan sar b’turija ta’ kemm il-Gvern jagħtihom importanza. Il-Ministeru tal-Anzjanità Attiva issa huwa mmexxi minn Michael Farrugia, filwaqt li l-Ministeru tal-Inklużjoni qed jitmexxa minn Julia Farrugia Portelli.

Silvio Parnis kien l-uniku membru tal-Kabinett li tteħidlu l-portafoll għalkollox. B’reazzjoni, huwa qal li mhux beħsiebu jibqa’ fil-politika.

Ir-reazzjoni ta’ Parnis għat-telfa tal-portafoll
Silvio Parnis mhux se jikkontesta iktar?

Il-Prim Ministru kellu kliem ta’ tifħir għal Parnis, u qal li Parnis baqa’ “lealissimu” lejh u l-istess hu. Appella biex ħadd ma jipprova jweġġa’ lil Parnis, u ddeskrivieh bħala bniedem li jħobb lin-nies u li jkun irid ikun viċin in-nies.

Stqarr li Parnis ma kellux biċċa xogħol faċli billi ngħata settur iebes u din kienet l-ewwel darba tiegħu bħala Segretarju Parlamentari, meta Abela inkludieh fil-Kabinett tiegħu f’Jannar li għadda. Imbagħad, żied il-PM, faqqgħet il-pandemija u xogħol Parnis sar aktar diffiċli. Madankollu, Abela jemmen li Parnis għamel biċċa xogħol tajba.

Huwa sellem xogħol Parnis, u qal li huwa kuntent li għadu parti mill-Grupp Parlamentari Laburista u ħerqan biex ikompli jaħdem miegħu.

Fil-bidu t’Ottubru, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sejjaħ għar-riżenja ta’ Silvio Parnis wara l-għadd allarmanti ta’ mwiet bil-Covid-19 fost l-anzjani u l-għadd kbir ta’ każijiet tal-coronavirus fid-djar tal-anzjani.