Filmat: Silvio Parnis f’webinar dwar l-anzjani

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis ipparteċipa f’webinar li l-Gvern ħejja bħala konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija politika nazzjonali għall-anzjanità attiva 2021-2027.

Parnis qal li l-mira tal-gvern hija li l-kunċett ta’ anzjanità attiva għandu jiggwida l-ħidma politika fil-qasam tal-anzjani. L-għan huwa t-tħaddin ta’ politika li ssaħħaħ u ttejjeb l-inklużjoni u l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani fil-komunità u fid-djar residenzjali, kif ukoll li tixpruna u tinċentiva li żżid il-parteċipazzjoni tal-anzjani fis-soċjetà.

MFCS_PS

Spjega li se jkun qed iħares ’il quddiem għar-rapport li se tkun qed tħejji l-Kummissjoni għall-Anzjanità Attiva b’rabta ma’ dan il-webinar u minnu tibda titfassal l-istrateġija għall-anzjanità attiva.

F’dan il-webinar tkellmu diversi kelliema ewlenin fil-qasam tal-anzjani u saru wkoll workshops fuq 4 temi ewlenin. Dawn kienu l-impjieg, il-parteċipazzjoni fis-soċjetà, l-għajxien indpendenti, san u sigur fil-komunità u d-dinjità, l-awtonomija u s-setgħa tal-anzjani fid-djar tal-anzjani u f’faċilitajiet għal kura fit-tul.

Il-Gvern fi stqarrija qal li f’Malta n-numru ta’ anzjani dejjem qed jikber u dan jippreżenta quddiemna bosta sfidi bħal nuqqas ta’ ħaddiema fis-suq tax-xogħol, iżjed impenn għas-servizzi tas-saħħa, aktar fondi għall-pensjonijiet u iżjed talbiet għal servizzi soċjali.