Filmat: Sfida ġdida – Flok barmil silġ għid 3 Ave Marijiet

Eluf kbar ta’ nies għamlu l-isfida tal-Ice Bucket biex iqajjmu kuxjenza dwar il-bżonn li ssir aktar riċerka għall-kura għall-marda magħrufa bħala l-Motor Neurone Disease.
Iżda l-Patri Dumnikan Joseph Zahra żamm aktar saqajh mal-art u l-isfida tal-Ice Bucket ispiratu biex jibda sfida oħra bl-isem ta’ Three Hail Mary Challenge biex titqajjem kuxjenza fuq il-bżonn tal-paċi fid-dinja.
Patri Zahra qed jipprova jagħmel din l-isfida tmur ukoll viral.
Three Hail Mary Challenge 
hi kważi l-istess bħal dik tal-Ice Bucket.  Minflok titfa’ barmil ilma bis-silġ, Patri Zahra qed iħeġġeġ lin-nies biex jitlobu 3 Ave Marijiet għall-paċi. 
Dan kollu jiġi ffilmjat, jittella’ fuq Facebook jew fuq kwalunkwe midja soċjali ieħor u jiġu nnominati 3 persuni oħra li jridu jagħmlu l-istess.
Ma' Newsbook.com.mt qal li “l-idea ġiet mill-bżonn urġenti li nħoss li għandna nitolbu bla waqfien l-intervent ta’ Alla biex jieqaf dak li qed jiġri madwarna u lil ħutna nsara.  Nemmen li għandna nirrikkorru għand Marija biex titlob magħna u għalina għax nemmen ħafna bl-intervent tagħha” qal Patri Joseph.
 “L-Ice Bucket Challenge għoġbitni bħala idea għax hi għal kawża ġusta, imma ma niflaħx nara dak il-ħela ta’ ilma meta ninsabu konxji mill-fatt li d-dinja qed tinxef mill-ilma u hawn mijiet ta’ nies li kuljum imutu bil-għatx u bil-ġuħ”.
"Nemmen li ma nistgħux naħdmu għal kawża ġusta u nkunu nġusti fl-istess ħin.  Nemmen li t-talb huwa ħafna aktar bżonnjuż għaliex fl-aħħar mill-aħħar kollox ġej minn Alla u lejH aħna indirizzati.”
Fi kliem Patri Zahra, “it-talb jgħinna nkunu konxji mir-realtà tagħna l-bnedmin bħala pellegrini lejn is-sema, filwaqt li jsostnina bil-grazzja ta' Alla ħalli ngħixu bil-għaqal u nużaw b'mod gust dak li Alla jipprovvdielna.”
Din l-isfida l-ġdida jidher li bil-mod il-mod qed taqbad sew ukoll.  Minn meta din il-ġimgħa Patri Joseph tella’ l-filmat fuq Facebook, kien hemm ħafna li laqgħu t-talba tiegħu, għax kif qal hu, “fiha jaraw valur”. 
Fuq dawk li jistħu jtellgħu l-filmat għax hu reliġjuż, il-Patri jgħidilhom  li “ma jimpurtax jekk jistħu ftit, anzi  jistgħu joffru l-mistħija mat-talba u jżommu f’moħħhom lil dawk l-imsejkna li llum qed ibatu saħansitra l-martirju u l-eżilju”.
Fl-aħħar nett Patri Joseph Zahra qed jistaqsi lil kul min qed jaqra dan l-artiklu jew ra l-filmat tiegħu:  “Ma stħajtx taħli barmil ilma, u issa qed  tistħi tuża 3 Ave Marijiet b'talba permezz ta’ filmat għall-bżonn urġenti tal-paċi fid-dinja?!”