Filmat: Sewqan taħt l-età – Jappella lill-ġenituri għall-maturità

Hekk kif fl-aħħar jiem ġew irrappurtati żewġ każi ta’ sewqan minn tifel ta' 12-il sena, l-Ispettur Pier Gwido Saliba appella lill-ġenituri għal iktar maturità, biex jieħdu ħsieb lil uliedhom filwaqt li jżommuhom ‘il bogħod minn ċerti perikli.
Ma’ Newsbook.com.mt, l-Ispettur mis-Sezzjoni tat-Traffiku saħaq li l-maturità hi meħtieġa mhux biss għax wieħed imur kontra l-liġi.
Spjega li minbarra li ma jkunux ingħataw taħriġ biex isuqu, it-tfal ma jkolhomx biżżejjed abilità u maturità għas-sewqan.
“Jistgħu jikkawżaw inċidenti u jkun hemm riperkussjonijiet għalihom u għal terzi persuni,” żied jgħid.
L-Ispettur Saliba spjega li tfal taħt l-14-il sena li jinqabdu jsuqu m’għandhomx responsabbiltà kriminali għax ma jistgħux jiffurmaw l-intenzjoni li għamlu ħażin. Saħaq li f’dan il-każ huma l-ġenituri li jridu jerfgħu r-responsabbiltà għax suppost kienu qed jieħdu ħsiebhom u jaraw li ma jagħmlux affarijiet li huma kontra l-liġi u ta’ periklu.
“Jekk itajjar lil xi ħadd xorta jkun eżenti mir-responsabbiltà kriminali, iżda ma jfissirx li jkun eżenti mir-responsabbiltà ċivili wkoll. L-ispejjeż għad-danni jekk iweġġa’ jew jinqatel xi ħadd,jaqgħu f'ħoġor il-ġenituri."
Żied jgħid li bħalma jiġri mal-adulti b’sospensjoni tal-liċenzja mill-Pulizija, meta t-tfal ta’ ‘l fuq minn 14-il sena li jinqabdu jsuqu jagħlqu 18-il sena, ma jkunux jistgħu jakkwistaw il-liċenzja għal ċertu żmien.
Semma wkoll kif meta jinqabdu darb’oħra fil-perjodu meta jkunu qed jitqiesu reċedivi, tiżdidilhom il-piena bi grad. Kompla jgħid li b’hekk dak li jkun tnaqqsilhom għax huma minorenni, jerġa’ jiżdidilhom għax inqabdu t-tieni jew it-tielet darba.