Filmat: Setgħet tagħmel abort iżda għażlet il-ħajja

Għal ħafna, aħbar li koppja se jkollha tarbija tfisser ħafna ferħ u hena iżda għal Rita u l-familja tagħha, kienet il-kontra. Tmien snin ilu Rita* ħadet deċiżjoni li llum il-ġurnata ma tibki xejn li ħaditha.
Sitt xhur wara li kienet qed tirkupra minn attakk qawwi ta’ puplesija, skopriet li qed tistenna tarbija.
Skont Rita, il-Professur mill-bidu kien imbeżża’ li minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħitha, la t-tarbija u lanqas l-omm ma kienu se jirnexxielhom jibqgħu ħajja.  Kien qalilha li “hemm persentaġġ għoli li tista’ tmut u li biex ssalva, trid miraklu”.
Minkejja li ma qalliex b’mod dirett, Rita għadha tiftakar li kliem il-professur riedu jfissru li jekk riedet tibqa’ tgħix, l-unika triq kienet li ssiefer barra minn Malta u tagħmel abort.
Ma kinitx deċiżjoni faċli.  Apparti tagħha nnifisha u t-tarbija li kellha fil-ġuf, Rita kellha taħseb ukoll fit-tlett itfal l-oħra.  B’pass kuraġġuż u wara ħafna ħsieb, iddeċidiet li tkompli it-tqala sal-aħħar, bit-tama li l-professur kien żbaljat.
Tirrakkonta kif ix-xhur tat-tqala kienu infern; b’kollox ħadet madwar 2,000 pirmla, saħħitha baqgħet sejra lura u l-pressjoni dejjem għolja.
Fil-34 ġimgħa tat-tqala, il-pressjoni ta' Rita tant kemm kienet għolja li t-tobba ddeċiedew li jwelldu t-tarbija qabel iż-żmien.    
Rita tiddeskrivi li l-40 minuta li qattgħet fis-sala tal-operazzjoni kienu l-itwal ta’ ħajjitha għax ma tafx jekk hux se terġa’ tara lit-tfal tagħha.
Wara ftit ħin, it-tifel twieled b’saħħtu daqs trabi oħra.  L-ikbar sodisfazzjon ta’ Rita hu li għalkemm għaddiet minn dik il-biża u r-riskju u l-istorja spiċċat b’wiċċ il-ġid.
Għaddew tmien snin minn din l-esperjenza u Rita tgħid li kieku poġġiet ħajjitha quddiem dik tat-tarbija, kieku il-kuxjenza tagħha qatt ma tista' ssib paċi.
Din l-esperjenza wasslet lil Rita biex tiltaqa’ ma’ nisa oħra li wettqu abort.  Tgħid li n-nisa li titkellem magħhom għadhom ibatu l-konsegwenzi ta’ dik id-deċiżjoni. 
“Min jagħmel abort ikollu tingiża ta’ kuxjenza li mhix sabiħa.  Jien għandi wkoll tikka bħalhom, imma ta’ ferħ”.
*L-isem tal-mara hu fittizju.
Filmat: Reel8 Productions