Filmat: “Sentiment unanimu fil-Parlament Ewropew: Hemm xi ħaġa ħażina f’Malta” – Metsola

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li fil-Parlament Ewropew hemm sentiment unanimu, li f’Malta hawn xi ħaġa ħażina.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, wara li l-Parlament Ewropew iddiskuta s-sitwazzjoni f’Malta wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Roberta Metsola irrimarkat li kemm ilu li ġie elett Joseph Muscat bħala Prim Ministru, saru erba’ diskussjonijiet fil-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni f’Malta. Saħqet li dawn id-dibattiti qatt ma ġraw qabel.
Apparti l-plenarja, fakkret ukoll fil-Kumitat PANA li saħansitra kellu jiġi Malta biex jinvestiga l-allegazzjonijiet kontra l-Ministru Konrad Mizzi u kontra ċ-Chief of Staff Keith Schembri, li baqa’ qatt ma xehed quddiemu.
"Ir-reputazzjoni ta' Malta marret għall-agħar kemm ilu fil-Gvern Joseph Muscat"
Dwar il-kritika li saret minn Ewroparlamentari Laburisti ma’ Newsbook.com.mt, li xi ħadd minn Malta qed “irewwaħ” u kien għalhekk li ħafna deputati tal-Parlament Ewropew kienu kritiċi ta’ Malta, Metsola fakkret li l-kelliema li wrew it-tħassib tagħhom fuq Malta ma kinux ġejjin mill-Partit Popolari Ewropew, iżda minn gruppi oħra, fosthom il-liberali u l-ħodor.
L-MPE insistiet li r-reputazzjoni ta’ Malta marret għall-agħar fi żmien il-Gvern Laburista u saħqet li dan minkejja li l-midja tal-Partit Laburista qed tipprova tpinġi lill-Ewroparlamentari Nazzjonalisti bħala “tradituri” u li jaħtu għall-ħsara li qed issir lill-pajjiż.
 

Ikkritikat ukoll il-fatt li f’dan iż-żmien diffiċli, il-Prim Ministru għażel li jmur “ibigħ il-passaporti” biex fi kliemha jiġbor ġieħu ma’ min jinsab irrabjat. Saħqet li jekk il-Prim Ministru mingħalih li b’daqshekk se jsalva r-reputazzjoni ta’ Malta, għandu żball.
"Xi ħadd irid jerfa' r-responsabbilità"
Dwar it-talba għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, Roberta Metsola qalet li r-responsabbilità trid tintrefa’ u kien il-Gvern li wassal biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.
Tkellmet dwar il-konferenza tal-aħbarijiet tal-Kummissarju tal-Pulizija li ddeskritivitha bħala “tal-mistħija.”
Temmet tgħid li d-dibattitu fuq Malta ma waqafx nhar it-Tlieta li għadda iżda li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet minn gruppi politiċi differenti fil-Parlament Ewropew li qed ikomplu juru t-tħassib tagħhom dwar Malta.
Wara d-dibattitu ta’ nhar it-Tlieta li għadda, Newsbook.com.mt tkellem mal-Ewroparlamentari Maltin.
Kompli segwi Newsbook.com.mt biex tara x’kienet ir-reazzjoni tagħhom.