Filmat: “Mixja b’qalb mimlija gratitudni” – l-Isqof Galea-Curmi

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li l-mixja tiegħu bħala Isqof Awżiljarju qed jagħmilha b’qalb mimlija gratitudni. Dan kien il-ftuħ tar-riflessjoni li għamel fl-okkażjoni tal-għeluq ta’ sena mill-konsagrazzjoni tiegħu bħala Isqof mill-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna.

Aqra: Isqof Awżiljarju ġdid għal Malta

Hu kien qed jagħmel ir-riflessjoni tiegħu waqt Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Balzan fejn qal li l-ħajja hija vjaġġ u l-mixja tiegħu ta’ kuljum hija riflessjoni tal-ħajja spiritwali. Qal li d-diffikultajiet u l-ostakli li affaċċja waqt li serva l-irwol mogħti lilu jirriflettu d-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom f’ħajtu ta’ kuljum.

Mons. Galea-Curmi rrifletta fuq il-persuni differenti li jiltaqa’ magħhom ta’ kuljum fosthom tfal, ommijiet tqal u l-anzjani. Hu esprima t-tama li kollha kemm huma jsibu l-idejn miftuħa tal-Knisja, lesta sabiex tipprovdilhom l-għajnuna u s-sapport li għandhom bżonn.

Aqra: Filmati: “Nitlob biex tkun missier twajjeb”- L-Arċisqof lill-Isqof Awżiljarju

L-Isqof Galea-Curmi rrepeta l-wiegħda tiegħu li jipproteġi l-ħajja u rringrazzja lil dawk kollha preżenti li għenuh u fehmuh matul din l-ewwel sena fl-irwol tiegħu.

Il-motto uffiċjali li kien għażel kien “ngħożżu l-ħajja bl-imħabba”. Mons. Galea-Curmi kien qal li l-ħajja umana hi għażiża għax hija don ta’ alla mogħtija lill-bnedmin biex iħarsuha u jipproteġuha. Qal li għalhekk hemm bżonn li l-bnedmin jgħożżu l-ħajja sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, meta hi diġà ħajja umana, sat-tmiem naturali tagħha.

Aqra: “Qalb miftuħa tgħin biex tagħmel il-ġid” – L-Isqof Awżiljarju l-ġdid

L-Isqof Galea-Curmi huwa d-disa’ Isqof Awżiljarju ta’ Malta. Minbarra li hu l-konsulent ewlieni tal-Arċisqof, hu wkoll responsabli mill-ħtiġijiet pastorali u amministrattivi tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Filmat: knisja.mt/ritratti