Filmat: “Sempliċi tingiża fiż-żaqq u qalb il-fetu tieqaf”

Toby, tifel qawwi u sħiħ li llum jgħix ħajja normali. Imma għal diversi tobba li jagħmlu l-abort fl-Istati Uniti, kieku Toby miet meta kellu 27 ġimgħa fil-ġuf.
Permezz ta’ wieħed mill-filmati tagħha, l-għaqda Live Action turi t-tattika tat-tobba mal-ommijiet li jistaqsuhom dwar il-proċeduri tal-abort meta t-tqala tkun fi stadju avvanzat. Tispikka fost l-oħrajn l-informazzjoni żbaljata li jingħataw dawn l-ommijiet.
Jgħidulhom li ta’ 23 ġimgħa t-tarbija ma tkunx żviluppata u lanqas ikollha forma ta’ tarbija. Li minkejja li l-organi jkunu hemm, ikunu biss partijiet.
B’Toby ta’ 27 ġimgħa fil-ġuf, qalulha li jekk jitwieled ikollu problema biex jgħix jekk ma jitqiegħedx f’inkubatur u tgħidilha li ma jsalvax. Tabiba oħra qaltilha li t-tarbija titwieled mejta.Spjegawlha li b’tingiża f’żaqqha jwaqqfu qalb il-fetu, u t-tarbija ddum tliet ijiem mejta fil-ġuf.
Meta staqsiet jekk it-tarbija tweġġax, it-tabiba qaltilha li ma tafx għax jiddependi jekk tkunx żviluppat. Iddeskrivew il-weġgħa bħala inqas minn dik tat-tilqima tal-influwenza.
Il-Live Action tgħid li għal uħud mill-ommijiet il-ħajja tat-tarbija tibda qabel il-konċepiment, filwaqt li għal oħrajn it-tarbija tibqa’ problema sa wara li jwelldu.
Fuq Facebook u You Tube, il-filmat rawh miljuni ta’ drabi, u ġie shared madwar 50,000 darba.  Tista’ tara l-filmat fuq Newsbook.com.mt.