Filmat: “Sempliċi, karattru pożittiv u qalbi żgħira” – Robert Abela

Read in English.

Robert Abela ddeskriva lilu nniffsu bħala bniedem sempliċi, b’karattru pożittiv u qalbu żgħira. Dan qalu hu u jiġi intervistat LIVE minn Fr Joe Borg fuq Newsbook.com.mt. Hu qed jikkontesta l-irwol ta’ Mexxej tal-Partit Laburista wara li Joseph Muscat ħabbar li se jkun qed jirreżenja f’Jannar.

Mistoqsi biex jiddeskrivi ftit lilu nniffsu, Abela qal li hu jħobb ikun viċin in-nies u jħobb politika sempliċi. Spjega li għandu għożża kbira għall-familja, partikolarment għal nanntu li għandha 90 sena.

Irrimarka li hu jħobb jara l-pożittiv f’kull sitwazzjoni u li għandu qalbu żgħira. Spjega li meta sema bl-inċident fatali tas-26 ta’ Diċembru, fejn tifel tilef ħajtu f’barriera, beda jinkwieta għalih u għall-familtu. Qal li hija xi ħaġa normali li wieħed jinkwieta f’każijiet bħal dawn u hu jħossu bniedem normali.

“Mhux se nagħmel paraguni ma’ Muscat jew Fearne”

Mistoqsi dwar x’differenzi jkun hemm jekk jiġi elett mexxej, Abela qal li hu mhux se jqabbel lilu nniffsu mal-Prim Ministru Joseph Muscat jew il-Ministru Chris Fearne. Qal li hu qatt ma kellu kampanja li jieħu post Muscat u baqa’ leali lejh sal-aħħar sekonda. Irrimarka li l-inqas ħaġa li ried kien li jitlaq Muscat minn Prim Ministru.

Qal li jemmen f’politika li taħseb fiż-żgħir u fil-batut u li lest li jassigura li d-dinja tan-negozju tirrispetta lin-negozjanti kollha bl-istess mod. Qal li hu mhux se jkun qed iħares lejn uċuh.