150 Sena Seminarju: L-Istorja Tagħna

Biex iqajjem iktar kuxjenza vokazzjonali fost iż-żgħażagħ tagħna, imma wkoll biex ifakkar seklu u nofs mit-twaqqif tiegħu, is-Seminarju ta’ Għawdex matul din il-ġimgħa sa jniedi dokumentarju bl-isem: 150 Sena Seminarju: L-Istorja Tagħna.
Carl Scerri, seminarista fis-sitt sena ta’ formazzjoni, qalilna kif fl-aħħar ġimgħat dehru erba’ filmati qosra fuq il-Paġna Uffiċjali tal-Facebook tas-Seminarju Maġġuri ta’ Għawdex bl-għan li jqanqlu interess fuq il-ministeru tas-saċerdoti, li kollha għaddew minn dan il-bini fil-formazzjoni ta’ seba’ snin għall-ħajja saċerdotali tagħhom.
Jidher li dawn il-clips qanqlu l-interess ta’ bosta. Kif juru l-filmati, uħud minn dawn is-saċerdoti laħqu pożizzjonijiet għoljin fil-Knisja, oħrajn qegħdin iservu fil-missjoni, imma l-iskop ta’ din l-inizjattiva hi li taqsam ma’ dawk li jaraw il-filmati ftit mill-ħajja komuni u l-umanità ta’ dawk li jagħżlu li jimxu wara Ġesù iktar mill-qrib f’din it-triq.
Intant, is-seminaristi Għawdxin illejla qed jorganizzaw Festabbatini għall-familji tal-abbatini Għawdxin quddiem is-Santwarju Ta’ Pinu mis-6.30 sat-8.00pm. F’Ittra li kiteb l-Isqof Mario Grech lil dawn il-familji għal dak li qed jissejjaħ il-“Ġublew tal-Abbatini”, hu esprima ruħu “konvint li hemm uħud minnkom li jixtiequ jonfħu biex ikebbsu l-fjamma ta’ vokazzjoni saċerdotali/ħajja kkonsagrata li l-Mulej jaf qiegħed iqabbad fil-qalb ta’ uliedkom”.
“Bħalkom, jien ukoll għandi din ix-xewqa qaddisa u nitlob lil Ġesù biex ikompli jseddaq il-Knisja tagħna b’aktar vokazzjonijiet”, żied Monsinjur Grech.