Filmat: Seminarju mhux tal-ġebel imma tan-nies

Din is-sena s-Seminarju tal-Qalb ta’ Ġesù f’Għawdex qed ifakkar 150 sena minn meta fetaħ il-bibien tiegħu.
Kienu mijiet is-saċerdoti li matul l-aħħar seklu u nofs ġew iffurmati f’dan il-post, barra l-eluf ta’ studenti li għaddew mis-Seminarju Minuri, l-iskola sekondarja tas-subien fl-istess binja fil-Belt Victoria.
Hekk kif il-Ħadd li għadda ġie ċċelebrat il-Jum Dinji ta’ Talb għall-Vokazzjonijiet, il-komunità ċkejkna ta’ seminaristi Għawdxin ħasset li kellha tinqeda b’dan l-anniversarju storiku biex tgħarraf aktar lill-pubbliku dwar x’inhu s-Seminarju, meqjus “il-qalb tħabbat ta’ kull djoċesi”.
Is-seminarista Carl Scerri, li jinsab fis-sitt sena ta’ formazzjoni, u li flimkien mat-tmien sħabu kkordina dan il-proġett ċkejken, b’sodisfazzjon qalilna li l-erba’ filmati qosra li ttellgħu fl-aħħar ġimgħat fuq Facebook intlaqgħu tajjeb ħafna mill-udjenza virtwali.
Għalhekk illum is-Seminarju, fuq il-midja soċjali tiegħu, għadu kemm nieda dokumentarju ta’ 13-il minuta: 150 Sena Seminarju: L-Istorja Tagħna. Bħal ta’ qablu, imma iktar fit-tul, il-feature tal-lum, li jġib fi tmiemha s-sensiela, jagħtina togħma ċkejkna tal-esperjenza tal-ħajja u l-formazzjoni fis-Seminarju minn fomm dawk stess li għexuha. Is-Seminarju, qalilna Carl, “mhuwiex biss il-post tal-ġebel”, imma “il-ħajjiet ta’ ħafna seminaristi u saċerdoti li għaddew minn hawnhekk. Wara r-rwol tal-qassis hemm persuna umana b’ħajja sabiħa”.
F’kelma waħda, il-messaġġ tas-seminaristi Għawdxin lil kull min jara dan id-dokumentarju hu: “Fil-ħajja tibżax toħlom u tgħix il-ħolm tiegħek… din hi l-istorja tagħna!”.
150 Sena Seminarju: L-Istorja Tagħna tistgħu ssibuh hawn.