Filmat: “Sejħuli Dun Anton”

Read in English.

Dun Anton Teuma, li daqs 24 siegħa oħra se jiġi ordnat Isqof ta’ Għawdex, b’sens kbir ta’ umiltà stqarr li hu jippreferi li kulħadd jibqa’ jsejjaħlu “Dun Anton”, anke wara l-ordinazzjoni episkopali ta’ għada.

Waqt programm speċjali fuq Newsbook.com.mt, Dun Anton qal li hu għandu l-fissazzjonijiet tiegħu u jippreferi li jibqa’ jissejjaħ bl-iktar mod sempliċi. Madanakollu sostna li m’għandu l-ebda diffikultà li jissejjaħ b’modi oħra u li għaldaqstant jirrispetta u jaċċetta lil kulħadd.

“Qisni surfer għaddej ġo mewġa kbira”

Dwar kif qed iħossu bħalissa, l-Isqof-Maħtur uża l-kelma ‘sorpriża’ li tiġbor l-emozzjonijiet kollha li qed iħoss bħalissa – sens ta’ radd il-ħajr imma fl-istess ħin ta’ biża’ u inċertezza. “Tant għaddej bix-xogħol li m’iniex konxju ta’ x’qed jiġri ġo fija. Qisni surfer għaddej ġo mewġa kbira”, kompla jgħid.

Il-messaġġ ta’ Dun Anton Teuma għall-poplu li se jkun qed iservi huwa li “kull persuna għandha l-irwol, il-missjoni, is-sejħa u l-vokazzjoni tagħha”. Spjega li l-vokazzjoni ta’ Isqof hija importanti daqs il-vokazzjonijiet l-oħra kollha. Fi kliemu m’hemmx Isqof mingħajr qassisin, mingħajr familji u mingħajr individwi.

Esprima x-xewqa li jkompli fuq dak li beda l-Isqof Nikol Cauchi u li kompla l-Isqof Mario Grech, li kull nisrani jkun kuntent mhux biss għax Għawdxi jew Malti, imma għax jinsab “f’dan il-klabb, li huwa l-Knisja”.  Saħaq li l-mira tiegħu hi li kulħadd isib postu f’dan il-klabb.

“Sejjaħt lili nnifsi l-Isqof tal-Covid”

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tal-pandemija tal-coronavirus, bi tbissima fuq fommu, Dun Anton Teuma stqarr li sejjaħ lilu nnifsu “l-Isqof tal-Covid”. Insista li jixtieq li kemm il-Knisja kif ukoll is-soċjetà jaħdmu iktar biex il-Covid-19 ma titqiesx biss bħala xi ħaġa ta’ tfixkil li rridu neħilsu minnha malajr.

Semma kif il-Covid-19 kienet opportunità li l-familji nġabru flimkien, u saħansitra koppja li “kienet għaddejja minn proċess ta’ separazzjoni reġgħet dawret kollox”. Żied jgħid li hi wkoll opportunità li niskopru r-relazzjonijiet u li napprezzaw aktar il-gżira li ngħixu fiha u nindunaw bid-difetti u s-sabiħ tagħha. Fakkar li Alla ma jitkellimx biss permezz tal-kelma tiegħu imma wkoll permezz tal-istorja, u “għaldaqstant irridu naraw fejn hi s-salvazzjoni f’din il-pandemija”.

Għaliex qed jitfarrku l-familji?

Dun Anton Teuma, li tul is-snin ħadem fil-qrib ħafna mal-familji, irrimarka li waħda mill-problemi kbar tal-familji mfarrka hi li l-ġenituri jipproteġu lil uliedhom iżżejjed.

“Tant qed nippruvaw li lil uliedna ma nħalluhomx jaqgħu u jingirfu, li mhux qed inħalluhom inisslu fihom infushom il-kapaċità li jifilħu għall-frustrazzjonijiet u t-tbatija”, kompla jispjega. Saħaq li din taffettwa kemm it-tfal meta jikbru jkunu jifilħu għad-diffikultajiet li ġġib magħha l-ħajja. Għal Dun Anton, problema oħra hi li s-sensazzjoni tal-aħna tirriduċi ruħha għas-sensazzjoni tal-jiena – li bniedem jaħseb għalih u biex jagħmel dan jew iwarrab hu jew itajjar lil ħaddieħor.

“Irridu ndejquhom lin-nies… ”

Dun Anton Teuma dejjem ħares lejn il-missjoni tiegħu bħala servizz. Saħaq li l-Knisja għandha ħafna x’tagħti u li l-bniedem mhux biss jistħoqqlu li tingħatalu imma għandu dritt għaliha. “Irridu ndejquhom lin-nies, bħalma jdejquhom bir-reklamar, hekk għandna nagħmlu aħna wkoll…. Ġesù dan is-servizz jistħoqqlu”, sostna l-Isqof-Maħtur għal Għawdex.

Iddeskriva x-xogħol tal-midja u l-ġurnalisti bħala estensjoni tar-realtà u tal-esperjenza. “Estensjoni, mhux fil-kwalità imma fil-kwantità, biex twassal iktar fil-bogħod ir-realtà jew l-esperjenza li persuna tkun qed tgħix”.

3 persuni li qegħdin miegħu kontinwament

B’emozzjoni kbira, Dun Anton semma tliet persuni li ħallew din id-dinja imma li jħosshom miegħu kontinwament:

  1. Missieru li ddeskrivieh bħala “bniedem sempliċi imma profond. Ta’ ftit kliem imma bil-kelma li jgħid ikun qal ktieb. Għallimni nkun il-qassis li jien, il-bniedem li jien”.
  2. L-Isqof Nikol Cauchi, li ħadem miegħu għal 10 snin sħaħ kemm dam is-seminarju. “Ġieli ma konniex naqblu speċjalment fejn jidħlu x-xjenzi umani, imma kien hemm stima kbira reċiproka”.
  3. Turu, Fr Arthur Vella SJ, “il-missier spiritwali li segwieni mit-tielet sena tiegħi tas-seminarju sal-ġimgħa qabel ma miet. Fuq is-sodda tal-mewt għajatli “Ton,Ton” – għadu stampat f’moħħi”.

L-Isqof il-ġdid ta’ Għawdex jittama li tul il-vjaġġ tiegħu jkompli jħalli lill-Bambin jaħdem fih u li kull nisrani jħossu kburi li hu nisrani u dixxiplu ta’ Ġesù.