Filmat: Sejħa pubblika għal vapuri minn Għawdex u postijiet differenti f’Malta

Read in English.

Il-Gvern nieda sejħa pubblika li permezz tagħha jista’ jkun hemm vapuri li minn Għawdex joperaw lejn diversi postijiet f’Malta. Dawn jinkludi portijiet f’Marsaxlokk, Ta’ Xbiex, San Pawl il-Baħar, San Ġiljan, il-Belt u Għawdex. B’differenza mis-servizz ta’ fast ferry, dan it-tender se jkun japplika għal diversi tipi ta’ operaturi ta’ dgħajjes ta’ passiġġieri.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li s-servizz bil-baħar lejn postijiet oħra xorta jista’ jsir x’ħin tintemm il-fażi tat-tendering li bħalissa tinsab miftuħa. Kien Newsbook.com.mt li fuq il-portal bl-Ingliż żvela kif l-operatur li jintgħażel, jingħata d-drittijiet esklussivi biex jopera mill-mollijiet elenkati. Skont riċeka ppubblikata fid-dokument ta’ Transport Malta, il-konċessjoni hija stmata li f’15-il sena tiġi tiswa €115 miljun.

F’attività tal-Gvern f’San Lawrenz, il-Ministru Camilleri qal li l-proċess li għaddej bħalissa se jwassal biex Għawdex ikollu konnettività bil-baħar lejn netwerk sħiħ. Qal li mhux se jkun speċifiku għal fast ferries għaliex stqarr li llum id-dgħajes huma “kollha fast”.

Meta mistoqsi għal timeframe ta’ dan il-proġett il-Ministru qal li bħalissa għaddjejin mill-proċess ta’ tendering. Stqarr li huwa jittama li l-proċess ġdid jieħu anqas żmien minn dak ta’ qablu peress li qal li kien hemm min appella.

Fi stqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-Gvern qal li l-Ministru għal Għawdex kellu laqgħa mal-Ministru għat-Trasport Ian Borg li fiha ddiskutew “il-ħtieġa ta’ trasport aħjar u aktar effiċjenti bejn iż-żewġ gżejjer”. Il-Gvern qal li huma qablu li l-Gozo Channel fadlilha futur u hemm bżonn li tkompli tissaħħaħ biex iġġorr il-passiġġieri u l-karozzi, kif ukoll il-merkanzija. Huma ddiskutew ukoll l-infrastruttura tat-toroq u b’mod speċjali il-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.

Ilbieraħ fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern Laburista daħaq bl-Għawdxin dwar il-fast ferry għaliex filli kienet wiegħda maġġuri fil-programm elettorali u filli l-Gvern bidel id-direzzjoni u lbieraħ qal li mhux se jsir. Il-PN staqsa wkoll għaliex id-deputati Għawdxin man-naħa tal-Gvern fosthom il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ma għamlu xejn biex il-Gvern iwettaq il-wiegħda li ġew eletti fuqha.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt fi Brussell f’Ottubru li għadda, l-eks Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li t-tender għas-servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex mistenni jerġa’ jiġi ppubblikat.