Filmat: Sejħa għal proġetti għal NGOs favur djalogu soċjali

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi ħabbar sejħa għal proġetti kofinanzjati minn fondi Ewropej għall-imsieħba soċjali li jiffurmaw parti mill-MCESD u organizzazzjonijiet non-governattivi li qed jagħtu kontribut attiv fis-soċjetà. Il-fondi għal din is-sejħa huma ta’ €2 miljun.

Din is-sejħa se tkun immirata sabiex is-soċjetà tkun iktar parteċipattiva permezz ta’ djalogu soċjali. L-entitajiet iridu jassiguraw li permezz tax-xogħol li qegħdin jagħmlu se jkunu qegħdin jikkreaw soċjetà aktar inklussiva fejn l-opportunitajiet ikunu ndaqs għal kulħadd.

Zrinzo  Azzopardi qal li permezz tal-fondi Ewropej qiegħed isir investiment fl-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet biex is-soċjetà tkun aktar b’saħħitha. Żied li dawn il-fondi se jkunu qed isaħħu lil dawn l-entitatjiet billi jtejbu l-operat tagħhom, u b’hekk jixprunaw aktar xogħol u ideat għall-proġetti. 

Mario Cutajar, il-viċi president tal-MCESD, fl-indirizz tiegħu qal li s-soċjetà ċivili hija s-sinsla tas-soċjetà, fejn il-politika tal-gvern hija waħda li tinċentiva u tinvesti fix-xogħol li jagħmlu dawn l-entitajiet. Cutajar qal li dawn il-fondi mhux biss huma importanti għas-soċjetà ċivili, iżda huma essenzjali għas-soċjetà.

Dawn l-applikazzjonijiet se jagħlqu fit-30 ta’ Settembru 2020. Għall-aktar informazzjoni, wieħed jista’ jagħfas hawn.