Filmat: Seba’ saċerdoti ġodda fil-Knisja Maltija

"L-ikbar teżor li l-Mulej se jafda f'idejn is-saċerdoti ġodda, huma l-bnedmin li se jiltaqgħu magħhom," hekk spjega l-Arcisqof Pawlu Cremona meta l-bieraħ iċċelebra quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, li matulha ġew ordnati seba' saċerdoti (tlieta djoċesani u erba' reliġjużi). 
Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof kellem lis-saċerdoti, "Għalhekk, mill-lum il-quddiem il-bniedem irid ikun fiċ-ċentru ta' ħajjitkom. Tħallux li tidħol xi ħaġa oħra li tkun iktar importanti fil-ministeru tagħkom, għax il-bniedem irid jirċievi s-salvazzjoni ta’ Alla permezz tagħkom." 
Huwa elenka żewġ grazzji kbar li kienu se jirċievu: il-ministeru tal-Ewkaristija, biex permezz tas-saċerdoti, il-komunità tircievi l-Ewkaristija; u d-don tal-maħfra, li permezz tiegħu diversi persuni se jircievi l-paci f’qalbhom wara li fil-qrar jisimgħu lis-saċerdot jgħidilhom li rċevew il-maħfra mid-dnub.
Is-saċerdoti l-ġodda huma: Dun Luke Cutajar, Dun Brian Gialanzè, Dun Paul Mizzi, Patri Christian Borg, Patri David Cortis, Patri Clinton Farrugia u Patri Joseph Formosa.

Ritratt: Photocity, Valletta