Filmat: Se tidher għall-ewwel darba fuq it-televiżjoni

Ryan Borg illum se jkun qed iwassal edizzjoni oħra tal-programm tas-Sibt wara nofsinhar Sibtek li jibda fuq TVM għall-ħabta ta’ 12.45pm.

Bosta huma l-mistednin fl-edizzjoni tal-lum iżda bla dubju se tispikka Barbie, il-kelba tal-kantanta Mariella Pace Asciak u r-raġel tagħha s-surmast George Debono

Mariella Pace Asciak se tkun qed tiftaħ qalbha dwar dak li għaddiet minnu fl-aħħar żminijiet u kif Barbie bidlitilhom ħajjithom.

Fl-istess programm se naraw għadd ta’ mistednin oħra, fosthom ukoll Joseph Armani li jitkellem dwar kif ħarġet l-aħbar li se jieqaf mix-xena mużikali.

Se naraw ukoll l-istilisti Charles u Ron b’messaġġ qawwi għan-nies kollha.

Matul il-programm se naraw intervista li saret ma’ Eliana Gomez Blanco qabel ma telqet lejn il-Polonja fejn għada se tkun qed tieħu sehem fil-finali tal-Junior Eurovision Song Contest. Hija se titkellem fuq il-kundizzjoni li ħakmitha meta kienet żgħira u kif qatt ma qatgħet qalbha li tħares ‘il quddiem.

Se nsegwu wkoll intervista ma’ Karmen Tedesco li titkellem dwar in-nuqqas tar-raġel tagħha speċjalment f’dawn iż-żminijiet.