Filmat: Se terġa’ tinfetaħ il-miżbla tal-Qortin f’Għawdex

Il-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra se terġa’ tinfetaħ. Dan wara li l-permess ambjentali biex din il-miżbla terġa’ tibda tilqa’ l-iskart f’Għawdex ġie approvat lejn l-aħħar ta’ Novembru li għadda.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ħadet deċiżjoni li terġa’ tiftaħ il-miżbla li kienet ilha magħluqha mill-2004 minħabba direttivi tal-Unjoni Ewropea. Matul l-40 sena li kienet ilha topera, fil-miżbla tal-Qortin intrema man-nofs miljun tunnellata skart fuq medda art daqs tliet grounds tal-football. F’rapport li kien imħejji mill-WasteServ fl-2004 kien sar magħruf li l-miżbla kellha żoni ta’ skart għoljin 17-il metru.

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li l-WasteServ kellha tapplika b’urġenza biex din il-miżbla terġa’ tinfetaħ għax f’Malta m’għadx fadal fejn jintrema l-iskart. Din l-għaġla dehret ukoll fl-approvazzjoni ta’ din l-applikazzjoni peress li f’jumejn, l-ERA approvat il-ftuħ mill-ġdid tal-miżbla tal-Qortin.

L-applikazzjoni li ġiet approvata tipprovdi lil WasteServ f’sit ieħor fejn tpoġġi l-iskart li jkun ġie ssortjat f’Tal-Kus fix-Xewkija. Il-permess ingħata għal sena.

L-ERA imponiet numru ta’ kundizzjonijiet sabiex dan il-permess seta’ jingħata fosthom li l-applikanti jużaw biss is-siti ndikati fuq il-permess, id-dritt li l-Awtorità tagħmel monitoraġġ u dritt li l-Awtorità żżomm il-garanzija bankarja ta’ €10,100.

AQRA: Iċ-Ċermen tal-ERA jitlob deċiżjoni politika mill-Gvern

Il-miżbla tal-Qortin matul iż-żmien…

  • 1968 – Tibda topera l-miżbla tal-Qortin
  • 2004 – Il-miżbla tingħalaq bid-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea
  • 2004-2005 – Proġett ta’ rijabilitazzjoni b’investiment ta’ €3 miljun
  • Ottubru 2007 – Titnieda konsultazzjoni pubblika biex il-miżbla tinbidel f’park ta’ rikreazzjoni għall-familji
  • Mejju 2010 – Il-MEPA tapprova l-permess għal proġett ta’ rijabilitazzjoni
  • Mejju 2015 – Jitlesta l-proġett ta’ rijabilitazzjoni
  • Frar 2016 – Il-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat jgħid fil-Parlament li parti kbira għaddiet għand l-Enemalta biex jinstallaw panelli fotovoltajiċi
  • Mejju 2018 – Il-Ministru għall-Ambjent José Herrera jwiegħed li l-park għall-familji se jiftaħ sal-aħħar tas-sena
  • Novembru 2018 – Newsbook.com.mt jiżvela kif f’dan ix-xahar ġie approvat il-permess għall-ftuħ mill-ġdid tal-miżbla.