Filmat: Se nressaq il-problemi li jaffaċċja Għawdex – Cutajar

L-Ewroparlamentari Laburista Josianne Cutajar se tkun qed tressaq quddiem l-Unjoni Ewropea l-problemi li jaffaċċja Għawdex u gżejjer żgħar.

Cutajar qalet dan f’intervista ma’ Newsbook.com.mt fi Strasburgu fejn tkellmet kif il-ħidma tagħha se tkun qed tolqot lill-Għawdxin. Cutajar hija l-ewwel Għawdxija eletta fil-Parlament Ewropew u insistiet li qatt ma tinsa l-oriġini tagħha. Spjegat li mhux l-ewwel darba li Għawdex jiġi mħares daqs li kieku kien separat minn Malta. Qalet li filwaqt li Malta u Għawdex huma pajjiż wieħed, Għawdex jaffaċċja sfidi partikolari u semmiet fost l-oħrajn l-insularità doppja.

Irrimarkat li fil-ħidma tagħha fl-Unjoni Ewropea se tkun qed tifforma parti mill-Kumitat tal-Iżvilupp Reġjonali (REGI). Hawn se tkun qed twassal il-messaġġ li hemm bżonn li jiġu indirizzati partikolaritajiet u aspetti li jaffaċċjaw gżejjer żgħar. 

Qalet li l-politika tat-tip one-size-fits-all, jiġifieri li xi ħaġa tiġi applikata fuq kulħadd bl-istess mod, mhix politika effettiva. B’hekk sostniet li hemm bżonn liġijiet u regoli li jħarsu b’mod partikolari lejn il-bżonnijiet u l-isfidi ta’ pajjiżi differenti.