Filmat: Se noħorġu ħafna skemi għall-Kunsilli Lokali – Herrera

Read in English.

Il-Ministru għall-Gvern Lokali José Herrera qal li se jkunu qed joħorġu ħafna skemi fil-ġejjieni għall-beneffiċċji tal-Kunsilli Lokali.

Herrera qal lil Newsbook.com.mt li ħarġu skema apposta biex tingħata spinta lill-Belt Valletta peress li inzertat li hi l-kapitali ta’ Malta u li hi l-lokalità “l-aktar li weġġgħet minħabba l-coronavirus.”

Fakkar kif sar investiment ta’ mijiet ta’ miljuni ta’ ewro fil-legat tal-Belt wara s-sena 2018 – is-sena li l-Belt Valletta kienet waħda mill-bliet kapitali tal-kultura tal-Ewropa.

Qal li 90% tat-turisti li jiġu Malta jżuru l-Belt Valletta. Qal li din hija belt dipendenti fuq it-turisti u fuq dawk il-persuni li jaħdmu l-Belt. Saħaq li minħabba l-coronavirus il-Belt bdiet tmut u allura l-Gvern ried jikkonċentra fuqha.

Herrera żvela li l-Ministeru tiegħu se jkun qed joħroġ ħafna skemi fil-ġejjieni. Bħalissa qed issir il-ħidma fuqhom. Dawn l-iskemi se jkunu intiżi biex jgħinu direttament lill-Kunsilli Lokali.

Il-Ministru qal ukoll li jekk xi kunsill partikolari jkun jeħtieġ xi fondi addizzjonali għal xi proġett ma jsib ebda diffikultà li jiddiskuti aktar ma’ dak il-kunsill.

Herrera qal li kull lokalità jkollha l-bżonnijiet partikolari tagħha.

Il-Gvern għadu kif nieda pjan ta’ €750,000 biex il-Belt Valletta tingħata spinta ekonomika, soċjali, u kulturali. Fi stqarrija l-Ministeru għall-Arti, il-Ministeru għat-Trasport, il-Ministeru għat-Turiżmu u s-Segretarjat Parlamentari għall-Artijiet qalu li mill-ewwel ta’ Lulju sal-aħħar ta’ Settembru 2020, l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali se tmexxi pjan maħsub biex fil-Belt Valletta terġa’ tinħoloq il-klima ekonomika, soċjali u kulturali li konna drajna sa qabel l-ewwel ta’ Jannar 2020.

Filmat: Christoph Schwaiger