Filmat: “Se nkun katalista biex nagħti direzzjoni” – Comodini Cachia

Read in English.

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li se tibqa’ tkun katalista biex tagħti direzzjoni lill-Partit Nazzjonalista. Fl-ewwel messaġġ tagħha wara l-vot tal-bieraħ fil-Kunsill Ġenerali, Comodini Cachia indikat li se tkun qed tkompli bil-kampanja tagħha biex issir il-Kap tal-PN hekk kif il-Kunsilliera tal-PN ilbieraħ għażlu biex it-tesserati jivvutaw f’elezzjoni għal Kap ġdid.

56% tal-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista ivvutaw biex it-tesserati jkollhom l-għażla li jeleġġu Kap ġdid għall-partit.

Fil-filmat li ppubblikat fuq Facebook, Comodini Cachia qalet li hija se tibqa’ tikkontribwixxi biex il-PN ikun partit “b’saħħtu, kredibbli, magħqud u serju”.

Spjegat li l-votanti li jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ ideat. Qalet li l-PN għandu mużajk ta’ talenti fi ħdanu u għaldaqstant hija se tkun qed tagħti direzzjoni biex dan il-mużajk jaħdem flimkien għall-futur tal-partit.

Comodini Cachia kienet ġiet magħżula mill-maġġoranza tal-Membri Parlamentari Nazzjonalisti biex tieħu post Adrian Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni. 

Ilbieraħ, fl-ewwel konferenza tal-aħbarijiet wara l-vot tal-kunsilliera, il-Kap tal-PN Adrian Delia kkonferma li se jkun qed jerġa’ jikkontesta fl-elezzjoni l-ġdida għal Kap. Wara li tilef il-maġġoranza fil-Grupp Parlamentari, tal-Kumitat Eżekuttiv u l-Kunsill Ġenerali, Delia qal li d-destin tal-PN qiegħed f’idejn it-tesserati. 

Min-naħa tiegħu, Chris Said, f’konferenza separati li fiha rrappreżenta lill-maġġoranza tad-deputati tal-Partit Nazzjonalista, qal li qal li d-deċiżjoni tal-Kunsilliera se twassal biex il-PN ikun f’pożizzjoni li jaqbad triq aħjar.