Il-kandidat presidenzjali Joe Biden għamel diskors lin-nazzjon il-Ġimgħa filgħaxija, iżda fih ma ddikjarax rebħa. Madankollu, huwa qal li jidher ċar li qiegħed fuq ta’ quddiem, li qed jgħaddi lil Donald Trump b’erba’ miljun vot.
Il-messaġġ tiegħu kien wieħed ta’ kalma u għaqda.
Biden qiegħed minn ta’ quddiem f’erba’ mis-sitt stati li għadhom iridu jitħabbru r-riżultati tagħhom: Arizona, Georgia, Nevada u Pennsylvania. Donald Trump qiegħed qalbu f’North Carolina u f’Alaska. L-eks President qed iżid il-voti f’Pennsylvania, Nevada u Georgia iżda wieħed għadu ma jistax ibassar x’se jiġri f’dawn l-istati.
Skont is-CNN, f’Pennsylvania l-għadd tal-voti se jkun wieħed kumplikat.
Il-coronavirus l-ewwel prijorità
Qal ukoll li sakemm qed jistennew il-voti jingħaddu, mhumiex qed joqogħdu b’idejhom fuq żaqqhom peress li hu u Kamala Harris, li jekk jirbaħ tkun il-Viċi President, iltaqgħu ma’ esperti nhar il-Ħamis fuq il-kwistjoni tal-coronavirus. Huwa wiegħed li jekk jiġi elett President tal-Istati Uniti, jibda jiġġieled din il-pandemija bis-serjetà mill-ewwel u jagħtiha l-ogħla prijorità.
Biden stqarr li ma jistgħux isalvaw il-ħajjiet li diġà ntilfu, imma jistgħu jaħdmu sabiex isalvaw ħafna ħajjiet fix-xhur li ġejjin.
Tkellem ukoll fuq id-demokrazija u qal li din l-elezzjoni hi turija ċara ta’ kemm taħdem id-demokrazija. Lin-nies qalilhom li leħinhom se jissemma’ billi l-voti jingħaddu kollha.