Filmat: “Se nibda ħajja ġdida” – L-Arċisqof Alfred Xuereb

L-Arċisqof Alfred Xuereb qal li lest u ħerqan sabiex jibda ħajja ġdida wara l-missjoni li nnominah għaliha il-Papa Franġisku.
L-Arċisqof kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-midja waqt konferenza tal-aħbarijiet mal-wasla tiegħu f’Malta qabel ma jħejji triqtu sabiex iservi l-missjoni l-ġdida tiegħu fil-Korea t’Isfel.
L-Arċisqof Xuereb spjega kif 33 sena ilu telaq minn Għawdex sabiex jaħdem Ruma. Qal li Ruma kien jaf biss persuna waħda, iżda ma ħalliex din ir-raġuni tbeżżgħu tant li wasal sabiex iltaqa ma’ mijiet ta’ persuni li stqarr li għallmuh x’jiġifieri tkun qassis.
Kompla jgħid li din l-esperjenza ġdida, fejn se jkun qed iservi bħala Nunzju Appostoliku għall-Korea u l-Mongolia, se terġa’ tieħdu f’post fejn kull ma jaf persuna waħda. Iżda sostna li mill-esperjenza tiegħu ta’ qabel din mhix se taffetwah milli jagħmel il-ġid fil-pajjiż.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Mons. Xuereb tkellem dwar kif il-missjoni li tah il-Papa hija dik li jaħdem sabiex isaħħaħ l-għaqda  bejn is-Santa Sede u l-isqfijiet tal-post. Kompla jgħid li se jkun qed jirraporta Ruma dak li qed isir mill-Knisja fil-pajjiżi u saħansitra jsemmi involviment, sa ċertu punt, politiku.
Saħaq li l-missjoni tiegħu personali hija li jibni pontijiet bejn il-kulturi u reliġjonijiet differenti sabiex iwassal għal futur fejn l-umanità tkun familja waħda. Għal din ir-raġuni għażel il-motto “Ut unum sint” li tfisser “ilkoll inkunu ħaġa waħda”. Dan huwa l-kliem li Ġesù jgħid bħala talba lill-Missier fl-Aħħar Ikla sabiex wara mewtu d-dixxipli jibqgħu magħquda fil-Ġisem mistiku tiegħu li hu l-Knisja.
Huwa għamel referenza wkoll għal-laqgħa li kellu mal-Papa wara li aċċetta n-nomina tiegħu fejn filwaqt li rringrazzjah talli aċċetta l-irwol, kellmu dwar il-Knisja fil-Korea wara l-vjaġġ li kien għamel f’Awwissu. Il-Papa qallu dwar in-numru kbir ta’ vokazzjonijiet u magħmudijiet li qed isiru li għall-Mons. Xuereb ifisser li hemm għatx kbir sabiex il-poplu tal-Korea jsir jaf il-Vanġelu u jgħixu.
Ritratt/Filmat: Ian Noel Pace