Filmat: “Il-biża’ mhix raġuni valida biex impjegati ma jmorrux għax-xogħol” – Abela

Read in English.

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela qal li filwaqt li jinnota li “l-biża” mhix raġuni legalment valida biex l-impjegati f’postijiet tax-xogħol li qed jerġgħu jinfetħu ma jmorrux għax-xogħol, enfasizza li min iħaddem huwa obbligat li jipprovdi l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

Fi stqarrija kien spjegat li l-Ministru Abela qal dan waqt webinar organizzat mill-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-regolamenti waqt l-imxija tal-coronavirus. Żied jgħid li l-Gvern se jkun qed jiddiskuti mal-imsieħba soċjali dwar il-possibiltà ta’ emendi fil-Liġijiet dwar l-Impjiegi ta’ Malta biex jabbozza qafas leġiżlattiv li jaħseb għall-ħtiġijiet tal-impjiegi tal-lum u ta’ għada.

Il-Ministru Abela appella lil kull min iħaddem biex iżomm linja ta’ komunikazzjoni miftuħa mal-impjegati tagħhom f’kull ħin. Qal li dan sabiex ikunu jistgħu jifhmu aktar is-sitwazzjoni, itaffu l-beżgħat u jsibu soluzzjonijiet alternattivi fejn meħtieġ.

Dwar is-suppliment tal-paga, il-Ministru qal li l-Gvern għalissa se jkompli jagħti dan anke lin-negozji li jistgħu ikomplu l-operat tagħhom. Qal li reviżjoni ta’ dan is-suppliment se ssir aktar tard. Hu kompla billi appella lil dawk kollha li jħaddmu biex jagħmlu sforz u jagħtu l-minimu tal-€400 miżjuda mat-€800 li qed jagħti l-Gvern, kif miftiehem bejn l-imsieħba soċjali. Dan sabiex l-impjegati jkollhom salarju bbażat fuq €1,200.

Dwar il-progress tal-pajjiż fil-ġlieda kontra l-virus, il-Ministru qal li kien ta’ suċċess għan-nazzjon kollu, inkluż dawk li jħaddmu u l-impjegati. Qal li hu ottimist li se “nkomplu niksbu s-suċċess flimkien”.

Il-Ministru ikkummenta wkoll dwar il-futur tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER). Hu qal li l-ministeru tiegħu qed jiddiskuti l-possibbiltà ta’ servizzi ġodda li d-Dipartiment jista’ jipprovdi f’inizjattiva biex ikun aktar proattiv u jgħin lin-negozji jkunu konformi mal-qafas leġislattiv. L-intenzjoni għandha tkun li din l-inizjattiva tiffaċilita u tgħin lin-negozji biex ikunu f’konformità mal-liġi tax-xogħol, qal il-Ministru Abela.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll Diane Vella Muscat, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi. Hi spjegat li waħda mill-miżuri flessibbli li qed jintużaw bħalissa hija l-banking tas-sigħat (banking of hours), li għalihom min iħaddem qiegħed jingħata permess bil-quddiem. Kull permess mogħti mir-Regolatur għat-tnaqqis temporanju fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, għandu jkun ta’ erba’ ġimgħat u wara dan il-perjodu għandha tintalab ir-reviżjoni tiegħu. Dan ma japplikax għas-sigħat bankarji (banking of hours).

Hija appellat lil min iħaddem biex juża il-Helpline 1576, fejn spetturi mħarrġa jkunu jistgħu jgħinu u jmexxu lil min iħaddem matul il-proċess kollu. Hija assigurat lil min iħaddem li d-DIER qed jagħmel l-almu tiegħu biex iwieġeb għall-mistoqsijiet li jirċievu fi żmien sebat ijiem.

Matul is-sessjoni, li kienet koordinata mill-Kap Eżekuttiv tal-Kamra, Abigail Mamo, ir-rappreżentanti tal-SMEs staqsew diversi mistoqsijiet u qajmu kwistjonijiet pertinenti, inkluż dwar kif għandhom jadattaw f’dan il-perjodu u kif għandna naħdmu f’normalità ġdida.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn