Filmat: “Se naħdmu biex jintlaħaq ftehim malajr dwar l-għalliema” – Bartolo

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-Ministeru se jkun qed jaħdem mal-Union tal-Għalliema (MUT) sabiex jintlaħaq ftehim kemm jista’ jkun malajr dwar l-għalliema tal-Malti u l-Matematika.

Dan qalu meta ġie mistoqsi minn Newsbook.com.mt jekk il-ftehim hux se jintlaħaq qabel il-bidu tas-sena skolastika li jmiss f’Settembru li ġej. Fl-aħħar xhur, kien hemm battibekk sħiħ bejn l-union u l-Ministeru dwar l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika. L-MUT kienet qed issostni li hemm bosta għalliema li kienu qed jaħdmu bil-massimu tal-piż tal-lezzjonijiet u għaldaqstant daħlu fis-seħħ numru ta’ direttivi fosthom li la jsiru u lanqas jiġu kkoreġuti l-karti tal-eżamijiet taż-żewġ suġġetti.

Aqra: “L-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika se jsiru” – Il-Ministeru

Il-Ministeru mbagħad kien qabbad persuni “kompetenti” min-naħa tiegħu sabiex jaħdmu l-karti tal-eżami taż-żewġ suġġetti li kellhom ipoġġu għalihom l-istudenti tas-sekondarja. L-istess persuni kellhom imbagħad jikkoreġu l-karta. Il-Ministeru baqa’ qatt ma qal dawn il-persuni min huma.

Aqra: “Aħna ma nixtiqux inkunu bla eżami” – studenti

Ma’ Newsbook.com.mt il-Ministru qal li qed isiru d-diskussjonijiet mal-MUT sabiex kemm jista’ jkun, l-inqas għadd possibbli ta’ għalliema jkollhom il-piż massimu li jippermetti l-ftehim li hemm mal-union. Il-ftehim jgħid li l-għalliema ma jistax ikollhom piż ta’ aktar minn 25 lezzjoni fil-ġimgħa. Tenna li qed isiru diskussjonijiet ukoll mal-għalliema sabiex kemm jista’ jkun, dan il-ftehim jiġi onorat.

Aqra: L-MUT tagħti aktar struzzjonijiet dwar l-eżamijiet tal-Malti u l-Matematika

Filmat: Miguela Xuereb