Filmat: Se jkun sinjal li jmeruh

Matul din il-ġimgħa waqt Hand-Book fuq 103 Malta’s Heart il-mistieden ta’ George Cassar huwa Mons. Joseph Galea Curmi.

Il-qari tal-ġurnata

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa -Lq 2, 22-35

F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Iżrael u li kellu l-Ispirtu s-Santu fuqu. L-Ispirtu s-Santu kien nebbħu li ma kienx se jara l-mewt qabel ma jara l-Messija tal-Mulej. Mar mela fit-tempju, imqanqal mill-Ispirtu, u xħin il-ġenituri daħlu bit-tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il-Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal:

“Issa, o Sid, tista’ tħalli l-qaddej tiegħek

imur fis-sliem, skont kelmtek,

għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek

li int ħejjejt għall-popli kollha,

dawl biex idawwal il-ġnus,

u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael”.

Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna”.