Filmat: Se jiġi kkonservat il-masġar Ruman fil-Bidnija

Il-masġar taż-żebbuġ fil-Bidnija, li jmur lura għal żmien ir-Rumani, se jkun protett permezz ta’ kollaborazzjoni bejn Ambjent Malta u Heritage Malta. Is-siġar f’dan il-masġar għandhom madwar 1,800 sena.

Dalgħodu ġie ffirmat il-Memorandum ta’ Ftehim bejn iż-żewġ entitajiet, fil-preżenza tal–Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali José Herrera.

Ritratt: Miguela Xuereb

Il-Ministru Farrugia spjega li dan il-ftehim jinkludi ż-żbir ta’ siġar minn ġardinara kwalifikati minn Ambjent Malta wara li joħroġ permess mill-ERA għas-siġar li huma protetti. Fisser li se jsir ittestjar għall-Xylella fastidiosa, marda li hija ta’ theddida serja għas-siġar taż-żebbuġ. Din il-marda għadha ma nstabitx f’Malta u s-siġar taż-żebbuġ kollha f’dan il-masġar ittestjaw fin-negattiv.

Il-Ministru Herrera qal li entitajiet differenti jistgħu jaqsmu r-riżorsi tagħhom u jikkollaboraw b’risq il-ħarsien tal-patrimonju tanġibbli tal-pajjiż.

L-inħawi ta’ fejn il-masġar għandhom importanza arkeoloġika, għax madwarhom hemm midfunin il-fdalijiet ta’ villa rustika tal-perjodu Ruman fejn kien jinħadem iż-żejt.