Filmat: Se jaqdfu 200 kilometru f’40 siegħa għall-Inspire

It-tim ta’ Kayak for Charity se jipprova jaqsam minn Malta lejn Pozzallo u lura bil-kajak.
Nhar il-Ħamis 17 ta’ Lulju, it-tim magħmul minn Ian Laferla u Andrea Scorcia, hu determinat li jaqdef il-200 kilometru f’anqas minn 40 siegħa, jekk it-temp jippermetti.
Iż-żewġ qaddiefa ilhom żmien twil jipprattikaw għal dan l-avveniment u koprew distanzi twal u saħansitra qadfu matul il-lejl.
Kayak for Charity ilha tuża l-isport biex tiġbor fondi għal karitajiet differenti sa mill-2008. L-isfida ta’ din is-sena, appoġġjata minn Frank Salt Real Estate, hi maħsuba biex jinġabru fondi għall-Fondazzjoni Inspire li tgħin aktar minn elf tarbija, tifel u tifla, u adulti b’diżabilitajiet differenti.
Sadanittant, nhar is-Sibt li ġej, il-klijenti ta’ Inspire se jirċievu introduzzjoni għall-isport tal-kajak mill-istess tim.
L-attività li se ssir f’Marsamxett, il-Belt Valletta, ħdejn il-lanċa li tmur tas-Sliema se tibda fil-11am. Il-pubbliku hu mħeġġeġ jattendi biex jesperjenza dan l-isport billi jagħti donazzjoni ta’ €5 lill-Fondazzjoni Inspire. Wieħed jista’ jibbukkja post fil-paġna fuq Facebook ta’ Kayak for Charity jew billi jċempel 79998381/79403546.
Donazzjonijiet jistgħu jsiru onlajn fis-sit http://fundraisingmalta.com/kayakchallenge/ jew b’SMS billi wieħed jikteb il-kelma “Kayak” u jibagħtu fuq 50617359 (€2.33), 50618080 (€4.66), 50618926 (€6.99) or 50619215 (€11.65).
Filmat: Mediacoop