Filmat: Schembri kellu informazzjoni sigrieta minn madwar l-UE – iben Daphne

L-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri kellu aċċess għal informazzjoni sigrieta minn madwar l-Unjoni Ewropea (UE) skont Andrew Caruana Galizia.

Caruana Galizia, wieħed mit-tliet subien tal-ġurnalista Maltija assassinata Daphne Caruana Galizia, qal dan mal-ġurnalisti wara laqgħa li kellu mal-MEPs li ġew jinvestigaw is-sitwazzjoni politika f’Malta. Qal li Schembri kellu aċċess għan din l-informazzjoni li tgħaddi bejn pajjiżi Ewropej qabel ma ġie sfurzat jirreżenja.

Mistoqsi dwar il-laqgħa, Caruana Galizia qal lil Newsbook.com.mt li kienet waħda tajba li fiha lMEPs staqsew mistoqsijiet dettaljati. Qal li kien ċar li l-MEPs għamlu r-riċerka tagħhom u li qed jieħdu dan b’serjetà kbira.

Caurana Galizia qal li jisperaw li minn din il-missjoni jkun hemm lezzjonijiet li wieħed jista’ jitgħallem minnhom – mhux biss għal Malta imma għall-Unjoni Ewropea (UE) sħiħa.

Qal li l-każ tal-assassinju ta’ ommu jġib miegħu lezzjonijiet serjissimi li jistgħu jintużaw biex jitjiebu l-istituzzjonijiet madwar l-UE. Spjega li jista’ jsir titjib fil-mod ta’ kif l-UE taħdem f’każijiet ta’ korruzzjoni cross-border u każijiet ta’ ħasil tal-flus.

“Huwa important għalina f’Malta li nkunu nafu li l-każ ta’ ommi mhux biss iwassal għal riżultati pożittivi hawn imma riżultati pożittivi għal kull min jgħix madwar l-UE.”

Caruana Galizia ġie mistoqsi jekk jaħsibx li l-aħħar żviluppi li seħħew fl-investigazzjoni fl-assassinju sarux sforz tal-pressjoni li qed issir fuq l-awtoritajiet. Wieġeb li jispera li xi darba jsiru jafu għalfejn kien hemm dawn l-iżviluppi. Żied jgħid li s’issa hemm biss ftit informazzjoni ħierġa dwar il-każ.

Caruana Galizia huwa tal-fehma li l-inkjesta pubblika li mistennija ssir dwar il-każ tgħin f’dan ir-rigward. Qal li jispera li jinstab għalfejn ġiet assassinata ommu u għalfejn għadda daqshekk żmien biex jinstab min kien wara l-assassinju.

Fi kliemu l-inkjesta pubblika tkun tista’ tinvestiga d-deċiżjonijiet li l-Kummissarju tal-Pulizija ħa jew ma ħax – l-istess għall-Avukat Ġenerali.

Andrew Caruana Galizia qal li hemm bżonn mekkaniżmu legali li fih jistgħu jiġu infurzati l-liġijiet tal-UE b’mod effettiv u mhux b’mod li jgħaddu xi ħames jew għaxar snin.

Qal ukoll lill-ġurnalisti li meta l-Ewwel Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans ġie Malta, hu kien qed jikkampanja għall-Partit Laburista ta’ Joseph Muscat. Dan għaliex kien qed jiddependi fuq Muscat biex isir president tal-Kummissjoni.

Caruana Galizia spjega li din kienet persuna li kienu qed jiddependu fuqha biex jiġu mħarsa l-liġijiet tal-UE. Qal li Timmermans żamm man-naħa tan-nies li kisru l-liġijiet tal-UE u li għattew l-assassinju ta’ ġurnalista.

Filmat: Miguela Xuereb