Filmat: Schembri jħeġġeġ lill-bdoti tal-Air Malta jsegwu l-passi tal-ekwipaġġ

Read in English.

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri talab lill-bdoti tal-Air Malta sabiex isegwu fil-passi tal-ekwipaġġ. Dan hekk kif illum tħabbar li l-membri tal-ekwipaġġ tal-Air Malta lesti jiċċaħdu mid-drittijiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jżommu xogħolhom.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet illum, il-Ministru Schembri u l-linja nazzjonali tal-ajru ffirmaw ftehim li wassal fi tmiemu l-ftehim kollettiv tal-2016. Schembri qal li l-għeluq tal-ajruport ifisser li mill-10 ajruplani fil-flotta, wieħed biss kien qed jitħaddem kuljum. Hu qal li l-Air Malta qed tħaddem titjiriet ta’ ripatrijazzjoni u ta’ merkanzija. Irrimarka li l-linja nazzjonali tal-ajru tilfet id-dħul kollu mit-titjiriet kummerċjali.

Schembri qal li s-settur tal-avjazzjoni qed jaffaċċja l-akbar kriżi b’diversi kumpaniji tal-ajru madwar id-dinja jispiċċaw ikeċċu diversi ħaddiema.

Il-pandemija globali tal-coronavirus mhux talli bdiet emerġenza tas-saħħa pubblika imma kellha impatt fuq l-ekonomija madwar id-dinja. Hekk kif diversi pajjiżi daħlu f’lockdown, it-titjiriet twaqqfu u l-fruntieri ngħalqu.

Schembri spjega li kien hemm diskussjonijiet ma’ diversi unions li jirrappreżentaw diversi kategoriji ta’ impjegati fis-settur tal-avjazzjoni. In-negozjati għadhom għaddejjin fejn tidħol l-union li tirrappreżenta lill-piloti, l-ALPA, sabiex jinstab qbil fuq is-sitwazzjoni.

Il-Ministru għall-Ekonomija irrimarka li deċiżjonijiet kellhom jittieħdu biex tkun salvata l-linja nazzjonali. Il-ftehim iffirmat se jwassal biex ma jintilef l-ebda impjieg tal-ekwipaġġ u l-kumpanija se żżomm magħha dawk il-ħaddiema kollha b’kuntratt indefinit kif ukoll dawk b’kuntratt definit bla ħlas sakemm ikun hemm biżżejjed xogħol għalihom.

“Nirringrazzja kemm lill-Unjin kif ukoll lill-membri tal-Cabin Crew li fehmu l-bżonn li jinbidlu ċerti kundizzjonijiet fil-ftehim kollettiv li ma kinux qed jgħinu lill-kumpanija biex tkun kompetittiva u sabiex tkun f’pożizzjoni li tkompli topera f’sitwazzjoni straordinarja fejn qed naraw li għax-xhur li ġejjin, id-domanda għall-ivvjaġġar bl-ajru se tkun baxxa meta mqabbla ma’ snin preċedenti. Għalija kull ħaddiem huwa importanti u wara kull ħaddiem hemm familja. Dan il-pass huwa pass eqreb għal rebħa ta’ sens komun”, qal il-Ministru Schembri.

Iċ-chairman tal-Air Malta Charles Mangion indirizza l-konferenza tal-aħbarijiet. Hu rrimarka li n-negozjati ma kinux faċli. Hu qal li l-linja nazzjonali kienet qed tipprova toħloq pjanijiet flessibbli biex tippjana għad-dinja wara l-coronavirus. Qal li dan il-ftehim kien ibbażat fuq żewġ prinċipju, li jkunu ssalvagwardjati l-impjiegi filwaqt li fl-istess ħin il-kumpanija ssir vijabbli għaċ-ċirkustanzi preżenti.

Filmat: Facebook / Ekonomija