Filmat: Sathvika tasal Malta; “Ilna 9 xhur nistennew biex inġibuha”

Read in English.

Iċ-ċkejkna Sathvika waslet Malta llum wara nofsinhar wara li l-familja addottiva tagħha għamlet disa’ xhur tistenna biex dan ikun possibbli. Il-missier addottiv tagħha sostna li ħajjithom issa tinsab mimlija.

It-tifla ġiet addottata mill-Indja minn koppja Għawdxija Angie u Kevin Farrugia. Minħabba l-pandemija tal-coronavirus, u ‘l mod kif din impattat lid-dinja, il-familja ilha tistenna li tilqa’ fi ħdanha lit-tifla għal disa’ xhur. Huma waslu Malta llum waranofsinhar u ntlaqgħu fuq barra tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta minn diversi qraba u membri tal-midja.

Qabel il-wasla tat-tifla, Angie, tkellmet ma’ Newsbook.com.mt spjegat kif meta wasal iż-żmien li jkunu jistgħu jsiefru lejn l-Indja biex iġibu lil binthom, hi spiċċat ma tiflaħx u minflok siefru lejn l-Indja r-raġel tagħha u oħtha biex iġibuha lejn Malta. Din it-tieni tifla li l-koppja qed jadottaw mill-Indja. Angie sostniet li ma trid lil ħadd iktar jgħaddi mill-kalvarju li għaddew huma.

Monica Said, oħt Angie u Kevin, flimkien ma’ Sathvika, vjaġġaw minn Malta lejn l-Indja fl-10 ta’ Novembru u ltaqgħu maċ-ċkejkna l-għada. Huma qattgħu xi jiem hemm, fejn fost l-oħrajn iċċelebraw il-festa ta’ Diwali maċ-ċkejkna. Intant, f’ġurnata minnhom, il-familja ntlaqgħet mill-Kummissarju Ogħli għal Malta fi New Dehli, Reuben Gauci u martu.

Intant, min-naħa tagħha, Angie, li ma kelliex l-opportunità li tkun hi li ssiefer mar-raġel tagħha, ħejjiet filmat ħelu li ppubblikat fuq il-paġna tagħha ta’ Facebook. Fil-filmat, wieħed jista’ jara l-mument meta r-raġel tagħha Kevin u oħtha Monica ltaqgħu ma’ Sathvika għall-ewwel darba. “Ninsab mili ‘l bogħod mill-prinċipessa tiegħi imma inti kont f’qalbi mill-ewwel ritratt li rajt tiegħek,” qalet Angie.

Malli tlaqqgħt flimkien il-familja, Kevin u Angie tkellmu mal-ġurnalisti u taw il-kummenti tagħhom dwar dan il-mument sabiħ għall-familja. Kevin sostna li ħajjithom issa hija mimlija. Spjega li hija esperjenza li ilha xhur twal għaddejja. Viżibilment emozzjonara Angie spjegat li l-matching beda f’April tal-2019 u f’Marzu kellhom imorru għal Sathvika, iżda l-coronavirus kellu pjanijiet oħrajn. Sostniet iżda li hija xi ħaġa sabiħa li t-tifla laħqet waslet qabel il-Milied. “Anke li se nqattgħu kwarantina flimkien id-dar hija xi ħaġa sabiħa wkoll,”

Mitluba minn Newsbook.com.mt biex tgħaddi l-messaġġ tagħha lil ġenituri oħrajn li qed jistennew il-mument li jilqgħu fi ħdanhom lit-tfal addottivi tagħhom, Angie qaltilhom biex jagħmlu kuraġġ għax l-affarijiet issa mexjin. “L-addozzjoni mhix xi ħaġa ħafifa imma r-riżultat huwa wieħed ta’ sodisfazzjon kbir,” insistiet hi.

Fit-22 ta’ Ottubru kienet ħarġet l-aħbar li kienet se tingħata l-visa lil dawk il-familji Maltin li kien ilhom jistennew xhur biex jingħaqdu mal-ulied addottivi tagħhom fl-Indja. F’kitba fuq Facebook l-Aġenzija li tieħu ħsieb l-adozzjonijiet mill-Indja, l-Aġenzija Tama, ħabbret li sa fl-aħħar dawn il-ġenituri ngħataw il-visa u se jkunu jistgħu jħaddnu lil uliedhom magħhom.

Fix-xhur ta’ qabel, bosta kienu dawk il-ġenituri li kienu inkwetati minħabba li ma setgħux imorru l-Indja jiltaqgħu mat-tfal tagħhom. Dawn il-ġenituri spjegaw li l-proċess kollu tal-adozzojoni kien lest u l-unika ħaġa li kienu qegħdin jistennew kienet il-visa biex ikunu jistgħu jidħlu fil-pajjiż. L-approvazzjoni biex tingħata l-visa lil dawn ġenituri waqqfet hekk kif faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19.

Muntaġġ: Miguela Xuereb