​Filmat: Satellita ċkejkna ddiżinjata minn student Malti

Ramses Rotin, student tal-Inġinerija fl-Università ta’ Malta ħoloq satellita ċkejkna, bħala proġett finali tal-kors tiegħu.
Ma’ Newsbook.com.mt,  l-istudent spjega kif din is-satellita, li tkejjel 5x5x5 ċentimetru, hija kapaċi torjenta u tirranġa lilha nnifisha fl-ispazju. Irrimarka li dam jaħdem fuq dan il-proġett għal madwar sena.
Ramses iddiżinja partijiet tas-satellita li xogħolhom hu li jorjentaw lis-satellita permezz tax-xemx jew tal-kamp magnetiku tad-dinja.
L-istudent kompla jispjega li jekk xi parti mis-satellita ma tibqax taħdem kif suppost, mhu faċli xejn biex isiru t-tibdiliet neċessarji wara li din tkun ittellgħet fl-ispazju. Biex jegħleb din l-isfida, Ramses uża fault-mitigating architecture – diżinn li jħalli lis-satellita tiffunzjona anke jekk xi partijiet tagħha jibdew ifallu.    
Il-proġett ta’ Ramses Rotin kien fost 80 proġett ta’ studenti tal-Inġinerija li ġie esebit f’wirja annwali li saret fil-bidu ta’ Lulju fl-Università ta’ Malta.
Filmat: Ian Noel Pace