Filmat: 57 persuna fuq Captain Morgan 13-il mil mill-kosta Maltija

Read in English.

57 immigrant li ġew lokalizzati fiż-żona ta’ tiftix u slavataġġ Maltija bejn it-Tlieta u l-Erbgħa se jkunu qed jinżammu fuq il-vapur Europa II, li se jieqaf 13 ‘il mil nawtiku ‘l barra mill-kosta Maltija.

Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Ġie spjegat li Malta koordinat ħidma ta’ salvataġġ. Qal li peress li l-Forzi Armati ta’ Malta jinsabu impenjati f’ħidma ta’ saħħa pubblika, il-Gvern talab l-għajnuna ta’ lanċa tas-sajd Dar al Salam biex joħroġ għall-immigranti. Il-ħidma ta’ salvataġġ saret ilbieraħ.

Intant qal li saru l-arranġamenti biex dawn l-immigranti jittelgħu fuq vapur tal-Captain Morgan li se jinżamm 13-il mil nawtiku ‘l barra mill-kosta Maltija. Qal li dawn se jingħataw l-ikel, ix-xorb u l-kura li hemm bżonn waqt li jinżammu fuq dan il-vapur. Qal ukoll li l-immigranti huma kollha rġiel u jinsabu fi stat ta’ saħħa tajba.

“Il-pozizzjoni ta’ Malta tibqa’ ċara. Il-portijiet tagħna huma magħluqin. U issa trid tkun l-Unjoni Ewropea li turi solidarjetà u terfa’ responsabbilità ta’ dawn l-immigranti,” insista l-kelliem. Qal li waqt li kien qed jikkordina l-ħidma ta’ salvataġġ, mill-ilbierah il-Gvern Malti beda kuntatti ufficjali mal-Kummissjoni Ewropea u l-istati membri kollha biex dawn l-immigranti jkunu rilokati b’mod permanenti.

“L-Unjoni Ewropea għandha kriżi enormi quddiemha bit-traffikar tal-bnedmin u pajjiżna, waħdu, m’għadux fil-qagħda li jagħmel iktar,” temm jgħid il-kelliem.

AKTAR KMIENI: Saqqijiet, ilma u ikel fuq Captain Morgan b’bandiera tal-UE

Vapur tal-Captain Morgan, l-Europa II, deher jitgħabba bil-proviżjonijiet, inkluż saqqijiet, ilma u ikel u wara salpa ‘l barra b’bandiera tal-Unjoni Ewropea bil-kliem “Solidarjetà Ewropea” mqabbda ma’ wieħed mill-ġnub.

Newsbook.com.mt ipprova jikkuntattja lill-awtoritajiet, lill-Forzi Armati ta’ Malta u anke lill-kumpanija responsabbli mill-vapuri tal-Captain Morgan. Dan sabiex jivverifika jekk din il-ħidma għandhiex x’taqsam mat-62 immigrant li bħalissa jinsabu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ Maltija u li Alarm Phone kienet qed titlob sabiex jiġu salvati mill-Forzi Armati ta’ Malta.

Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal ma’ Newsbook.com.mt li l-portijiet ta’ Malta jinsabu magħluqa u b’hekk mhu se jidħol ħadd. Sa dak il-ħin baqa’ ma kkonfermax jekk dawn hux se jkunu qed jinżammu fuq il-vapur inkwistjoni.

F’kuntatt li għamel Newsbook.com.mt ma’ kelliema għall-Forzi Armati ta’ Malta, intalab jibgħat mistoqsijiet permezz ta’ imejl. Mat-tieni telefonata l-kelliema għall-AFM ikkonfermat li kienet irċeviet l-imejl u li se twieġeb malli jkollha l-informazzjoni. Meta staqsejniha milll-ġdid jekk il-vapur Europa II kienx ġie ppreparat biex jospita fuqu grupp ta’ immigranti, il-kelliema qalet li mhix f’pożizzjoni li twieġeb.

Newsbook.com.mt mar Tas-Sliema, fejn kien trakkat dan l-istess vapur tal-Captain Morgan. Kemm fuqu kif ukoll fuq l-art kien hemm diversi persuni u uffiċjali tas-sigurtà. Dawn dehru telgħin u niżlin fuq il-vapur sakemm dan salpa ‘l barra mix-xatt ta’ Tas-Sliema. Huma għabbew il-vapur b’diversi saqqijiet, fliexken tal-ilma u kaxxi tal-ikel. Fuq in-naħa tal-lemin tal-vapur kien hemm bandiera kbira tal-Unjoni Ewropea bil-kliem “European Solidarity” miktubin fuqha.

Minkejja li l-vapur telaq mix-xatt, meta wieħed ifittxu fuq is-sit vesselfinder.com, jimmarka li l-vapur mhux qiegħed f’żona fejn wieħed jista’ jaqbad is-sinjal tal-AIS (Automatic Identification System) tiegħu. Ladarba kien għadu fil-viċinanzi tal-Gżejjer Maltin, dan ifisser li l-AIS intefa’ x’aktarx biex ma jkunx jista’ jiġi lokalizzat.

Mistoqsijiet mibgħuta kemm lill-Forzi Armati ta’ Malta, kif ukoll lid-Direttur ta’ Fortina Investments għadhom ma ġewx imwieġba.

Repubblika tilqa’ l-aħbar imma tibqa’ tinsisti għal inkjesta indipendenti

L-għaqda Repubblika laqgħet din l-aħbar li l-immigranti se jiġu salvati, iżda qalet li l-inkjesta indipendenti trid issir xorta waħda u beħsiebha tkompli tistinka għal dan.

Stqarret li, “Il-Gvern Malti huwa obbligat li jkun ċar dwar x’għamel, x’qed jagħmel u x’se jagħmel dwar l-immigranti li huma fir-responsabbiltà tiegħu.” Minkejja l-aħbar tal-lum, Repubblika insistiet li ma nistgħux ninsew it-12-il persuna li mietu matul il-ġimgħa ta’ wara l-Għid jew dawk li ntbagħtu lura lejn il-Libja. Apparti dan, qalet Repubblika, “lanqas nistgħu ninsew id-dikjarazzjoni ta’ Neville Gafà li matul dawn l-aħħar tliet snin ħadem fuq pushbacks wara li kien imqabbad mill-Gvern.”

Sostniet li l-Gvern jgħid il-verità sħiħa fuq dawn il-każijiet. Temmet l-istqarrija tagħha billi qalet li, “Pajjiż ċivili u demokratiku ma jistax iħalli l-mewt u t-tkaxkir tan-nies lejn it-tortura l-kampijiet ta’ konċentrament daqslikieku ma’ ġara xejn. Ir-responsabbiltà aħħarija li toħroġ il-verità sħiħa u li ssir ġustizzja taqa’ fuq spallejn il-Prim Ministru Robert Abela, skont Repubblika.

Rappurtaġġ addizzjonali minn Monique Agius, Miguela Xuereb u Sephora Francalanza.