Filmat: Sant’Antnin qisu s-segretarju tagħha

Sant' Antnin - Rita Pace

Ħsieb u silta żgħira mill-kanzunetta finalista ta’ L-Għanja tal-Poplu 2020 SANT’ ANTNIN mill-kantawtriċi Rita Pace Singer and Songwriter.

Posted by L-Għanja Tal-Poplu on Friday, August 21, 2020

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru se tittella’ l-44 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu f’xandira diretta fuq TVM.  Il-mistieden speċjali ta’ dan il-festival se jkun Philip Vella li rebaħ il-festival tas-sena li għaddiet. Il-preżentaturi tal-festival huma l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.

Kuljum f’dan l-ispazju se ssibu tagħrif fuq kull kanzunetta parteċipanta.

Kanzunetta: Sant’Antnin

Kantanta: Rita Pace

Kliem u mużika: Rita Pace

Sant’Antnin Sant’Antnin sib il-ħwejjeg mitlufin. L-awtriċi tgħid li Sant’Antnin qisu s-segretarju tagħha, dejjem tqabbdu jfittxilha kull xorta ta’ affarijiet, mhux biss affarijiet ta’  kuljum bħal xi kalzetta wara ħasla ħwejjeġ, imma anki affarijiet iktar serji bħall-boxxla, id-direzzjoni, il-fiduċja fil-bnedmin, is-sabar, storja bla intriċċi, ħabib ta’ veru, post fejn tista’ tiskarta mill-ġenn u l-istorbju, insomma verament minn kollox.

Rita Pace. Ritratt: Joseph Agius Attard

Rita Pace hija kantawtriċi u wkoll għalliema tal-kant. Hi tħobb tikteb l-iktar fuq temi soċjali.  Tikteb kemm għaliha u anki għal ħaddiehor u pparteċipat f’konkorsi kemm Malta u barra, kif ukoll f’workshops u serati kulturali kemm f’Malta u f’pajjiżi oħrajn. Rebħet diversi festivals kemm Malta u anki barra.

Ġiet it-tielet f’L-Għanja tal-Poplu tliet darbiet u rebħet il-premju għall-aqwa lirika b’tema soċjali fl-istess festival sitt darbiet. Ġiet it-tielet fil-Kanzunetta Maltija b’Solitaire, u akkwistat placings u premji għall-aqwa lirika bit-Taljan fi tliet festivals differenti fl-Italja.

Rita rebħet L-Għanja tal-Poplu bħala awtriċi bil-kanzunetta Jien Ma Naħdimx. Hija kitbet diversi siltiet bħala radio singles u parti minn albums għal kantanti kemm Maltin u anki barranin. Bħalissa qed taħdem ukoll xi xogħol ma’ bands. Tħobb ukoll l-għana u ħadet sehem f’serati ta’ mużika folkloristika kemm f’Malta u f’pajjiżi oħrajn.

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu 2020 qed jittella’ b’differenza biex nimxu mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.