Filmat: San Ġorġ kien jitkellem bla kantunieri – l-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li San Ġorġ Preca kien jitkellem bla kantunieri.

Dan qalu waqt l-omelija tiegħu fil-quddiesa tal-festa ta’ San Ġorġ Preca fil‑Kappella ta’ Sidtna Marija tal‑Midalja Mirakoluża, il‑Blata l‑Bajda.

Mons. Scicluna qal li dan huwa jum għażiż għall-Maltin li jfakkar fil-beatifikazzjoni ta’ San Ġorġ Preca bid-deċiżjoni u bil-preżenza ta’ qaddis ieħor San Ġwann Pawlu II fid-9 ta’ Mejju 2001.

“Dakinhar kien ukoll il-jum tal-beatifikazzjoni tal-Beatu Nazju Falzon u tal-Beata Adeodata Pisani,” fakkar l-Arċisqof.

“Għalina l-Maltin dan il-jum ukoll għandu jfakkarna mhux biss fil-figura ta’ Dun Ġorġ kif nafuh, u fil-ġid li għamel lill-poplu tagħna bit-tagħlim tiegħu. Min jaf kemm sema’ nies li kienu jistennewh kuljum wara li jqaddes Fra Diegu hawnhekk il-Ħamrun. Jistennewh biex ikunu jistgħu jgħidulu kelma jew jitolbuh l-interċessjoni tiegħu għall-fejqan ta’ xi ħadd għażiż. Imma wkoll billi lil poplu tagħna Dun Ġorġ dejjem kellmu ċar,” qal l-Arċisqof.

Qal li Dun Ġorġ kien ifakkar li n-nies huma wlied San Pawl u li jekk riedu jkunu tassew hekk iridu jkunu ħbieb tal-Evanġelju.

Spjega li t-talb irid ikun il-mument fejn wieħed jiftaħ qalbu u jinduna li Alla għandu qalb dejjem miftuħa għalih.

Fakkar li San Ġorġ kien jgħallem ukoll dwar l-importanza tal-maħfra.

“Dun Ġorġ għallimna ħafna talb wara t-tqarbin llum se nisimgħu talba sabiħa ħafna li hu xtaq li s-soċji jiltolbuha kuljum wara t-tqarbin. Jiena nixtieq nitolbu lil San Ġorġ Preca biex l-ewwel nett jeħlisna minn din il-burraxka kemm jista’ jkun malajr u b’wiċċ il-ġid. Imma wkoll li aħna ma ndumux ma nkunu nistgħu nerġgħu niltaqgħu fil-knejjes tagħna nisimgħu Leħen il-Maħbub u nitqarbnu bil-Ġisem u d-Demm għażiż ta’ Ġesù,” qal l-Arċisqof.

Il-PN jsellem u jirringrazzja lill-membri tal-MUSEUM

Il-Partit Nazzjonalista sellem lill-membri kollha tas-soċjetà tad-duttrina tal-MUSEUM.

“Mill-bidunett s-soċjetà ħadet ħsieb li x-xerred l-valuri t-tajba u tipprepara diversi ċittadini sabiex jservu sewwa fil-pajjiż tagħna. Aħna li aħna fit-twettiq tal-ġid komuni mertu wkoll ta’ din il-ħidma qawwija u kostanti. Kien x’kien iż-żmien, is-sejħa u l-missjoni ta’ dan il-qaddis kbir saret,” qal il-PN fi stqarrija.

Il-PN kompla jgħid li jrid juri pubblikament l-apprezzament tiegħu lejn l-impenn u s-sagrifiċċji li jsiru minn diversi membri.