Filmat: “Salvajna l-eluf – Malta qed tgħidilna: issalvawx aktar”


“Konna fuq missjoni ta’ salvataġġ. Sibna dgħajsa bl-immigranti. Salvajna mara b’erbat itfal. Ħsibna li salvajna omm u wliedha. It-tfal kollha jibku kemm jifilħu. Jibku u jolfqu bla ma jieqfu. X’ma jibkux! Ommhom u missierhom kienu mejta fuq id-dgħajsa. Il-mara kienet qed tipprova tfarraġhom waqt li tieħu ħsiebhom”.

Hekk qaltilna l-Ispanjola Martha Sarralde waqt intervista fil-programm Newsline, ippreżentat minn Fr Joe Borg fuq RTK 103FM. Martha hija infermiera u lifeguard fuq bastiment li jsalva n-nies minn fuq id-dgħajjes fil-Mediterran. 

“Malta kienet il-bażi tal-NGO tagħna Open Arms. Minn Malta tlaqna biex salvajna ħafna ħajjiet. L-NGOs salvaw eluf ta’ ħajjiet. Issa l-Gvern Malti għalqilna l-portijiet Maltin. Malta ma tridniex insalvaw aktar nies”. 

 “Inħossni responsabbli bħala persuna umana”

Martha kienet taħdem bħala infermiera f’Mater Dei meta daħlet għall-isfida li tmur mal-NGO Open Arms biex issalva n-nies f’nofs ta’ baħar. Mistoqsija għaliex għażlet li titlaq xogħol stabbli bil-paga dieħla u tmur tagħmel xogħol perikoluż fejn titħallas ferm inqas, Martha twieġeb li ħasset li kienet ir-responsabbiltà tagħha bħala persuna umana, li twieldet f’pajjiż fejn kellha ħajja normali, li issa tgħin li min għandu bżonn.

“Minn Malta konna ġurnata bogħod, issa 3-4 t’ijiem u n-nies jegħrqu”

Martha tispjega li wara li Malta mxiet fuq l-istess passi tal-politika inumana tal-Ministru għall-Intern Taljan Salvini, u l-Gvern Malti għalaq il-portijiet għall-NGOs, dawn kellhom isibu portijiet oħra minn fejn jaħdmu.

Qalet li Open Arms intlaqgħet f’Barċellona fi Spanja, minn fejn idumu bejn tlieta u erbat ijiem biex jaslu fejn iridu jsalvaw l-immigranti, meta qabel minn Malta kienu jaslu f’inqas minn ġurnata.

“Dan ifisser li sa ma naslu qed ikomplu jegħrqu u jmutu n-nies,” tispjega Martha. Fl-istess waqt, l-Italja qed tkompli timbotta n-nies lura lejn il-Libja fejn in-nies jiġu abbużati, misruqa u stuprati.

“Rajt 13-il katavru fuq dgħajsa mimlija nies”

Martha tirrakkonta dwar il-ħafna esperjenzi terribli li ltaqgħet magħhom fil-ħidma ta’ salvataġġ. Issemmi kif is-sajf li għadda sabu dingi li kien fih 167 persuna ħajja, magħfusa ma’ 13-il katavru, filwaqt li ftit qabel kienu tefgħu sitt katavri oħra ‘l baħar għax ma kellhomx post.

“Naraw ħafna nies ġo dgħajsa żgħira, rajt dgħajsa bi 800 persuna. Id-dgħajsa tagħna tesa’ massimu ta’ 400. X’taqbad tagħmel? Ittella’ li tista’ u nitolbu għall-għajnuna.”

“Inħossni frustrata quddiem il-politika”

Spjegat li tħossha frustrata li din it-traġedja qed tkompli tiġri u l-politika li tkompli għaddejja qisu xejn mhu xejn u qisu mhux qed jintilfu l-ħajjiet.

“Qalulna biex nafdaw il-gwardji tal-kosta Libjana u meta morna sibna li kienu ħallew tliet persuni jmutu ma’ dgħajsa mkissra. Jekk ma tarax ma tkunx taf x’inhu jiġri,” tispjega Martha. 

“Qabel tattakkaw infurmaw ruħkom”

Lil dawk li jiktbu onlajn biex jattakkaw lill-NGOs u lil nies bħalha li jsalvaw il-ħajjiet, Martha tgħidilhom biex jinfurmaw ruħhom billi jaqraw u jistaqsu dwar dak li qed jiġri verament, minflok jirrepetu l-qlajjiet.