Filmat: “Sal-bieraħ stess il-PM irringrazzja kriminal”

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia saħaq li sal-bieraħ stess, il-Prim Ministru Joseph Muscat irringrazzja kriminal, li pprovoka u wassal biex l-ogħla istituzzjonijiet tal-pajjiż jinħatfu mill-kriminalità. Delia kien qed jirreferi għall-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u qal li l-Prim Ministru baqa’ jaqbeż għalih xahar wara xahar.

Delia kien qed jagħti l-kummenti lill-ġurnalisti hekk kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħarġet mill-Parlament bi protesta wara li Joseph Muscat irrifjuta s-sejħa biex jirriżenja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrimarka li Joseph Muscat hu l-unika persuna li għadu ma ntebaħx li jekk l-istituzzjonijiet tal-pajjiż iridu jitħallew jaħdmu, ma jistax jibqa’ fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Stqarr li Malta wieqfa, il-poplu Malti u Għawdxi xxukkjati, u jistaqsu għaliex il-Prim Ministru jibqa’ ma jerfax ir-responsabbiltà politika.

Irrefera għal kliem id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, li qal li l-ħsara li qed issir lill-pajjiż issa hija kważi rreparabbli.