Filmat: Saċerdot Għawdxi jibni sptar fil-Gwatemala biex ma jmutux trabi

Fr José Camilleri ilu jagħmel xogħol ta’ missjoni fil-Gwatemala għal dawn l-aħħar 26 sena, u tul iż-żmien tiegħu hemmhekk, bena sptar bil-ħsieb li bih jiġi evitat il-mewt ta’ trabi li jitwieldu fl-għerejjex.

Hu u jitkellem ma’ Fr Joe Borg fuq il-programm Follow-Up fuq RTK 103FM, Fr Camilleri spjega li l-ħolma tiegħu li jibni sptar f’dan il-pajjiż, illum hi realtà, għaliex l-isptar għandu 75 sodda, 3 swali u fih jitwieldu 3 trabi kuljum. Qal li dan ma kienx ikun possibbli mingħajr l-għajnuna ta’ Mission Fund.

Fl-intervista, huwa kkummenta fuq il-faqar ambjentali u materjali fil-pajjiż. Qal li bħala post, ifakkru f’raħal twelidu x-Xewkija 70 sena ilu, għax kien bla progress, bla toroq, bla elettriku u wisq anqas televixin. Hemm faqar ambjentali tant li jinħass qisu l-post ma jistax jikber. Barra minn hekk, hemm ukoll nuqqas ta’ ikel, fejn hu normali li filgħodu, waranofsinhar u filgħaxija, tittiekel fażola sewda biss, pereżempju.

Dwar il-Knisja Kattolika fil-Gwatemala, qal li hu diffiċli biex jilħqu lil kulħadd minħabba li hemm madwar 31 saċerdot għal miljun ruħ, iżda l-messaġġ Kattoliku jasal għand in-nies xorta waħda, grazzi għall-katekisti li jgħinu biex iżommu lis-saċerdoti aġġornati b’li qed jiġri u jingħad fl-irħula.

Fr Camilleri faħħar l-Ordni ta’ Malta li tipprovdi ikel, ilbies u mediċina għan-nies tal-Gwatemala, u anke l-Caritas fuq bażi internazzjonali, li tagħmel ħafna xogħol siewi fil-komunità.

Fr Camilleri qal li hemm bżonn kbir ta’ voluntiera missjunarji tobba u infermiera, għaliex dejjem jiġu bżonn l-għajnuna medika.