Filmat: Saċerdot frisk jispjega kif il-Knisja ssir iktar relevanti

Dun Jean Govè, li għadu kif ġie ordnat saċerdot, spjega li l-Knisja tista’ ssir iktar relevanti, meta ssib mod effiċjenti kif tirrispondi għall-bżonnijiet ġodda tas-soċjetà.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Dun Jean spjega li l-Knisja għandha timla diversi spazji ġodda li qed jinħolqu. Semma kif għad hemm familji li mhux ilaħħqu mal-ħajja u jirrikorru għall-għajnuna tas-saċerdot. Żied jgħid li hemm oħrajn li minkejja li forsi sejrin tajjeb, iħossu vojt.

Għadda biex isemmi prijorità oħra tal-Knisja, dik tal-ambjent, u stqarr li l-Knisja għandha tkun profetika f’dan il-qasam ukoll.  Fisser li meta ġie ordnat saċerdot, l-Arċisqof qallu kemm-il darba li għandu rwol li jaħdem u jgħin lill-umanità kollha.

AQRA: L-Arċisqof se jordna 4 saċerdoti ġodda 

Fir-rwol il-ġdid Dun Jean qal li huwa qiegħed għas-servizz ta’ kulħadd u spjega li issa bħala rappreżentant tal-Knisja u ta’ Kristu, flimkien mal-kumplament tal-Knisja, jagħraf x’inhuma l-bżonnijiet u l-vojt, biex eventwalment jiġi indirizzat b’mod profetiku.

Dun Jean sostna li l-Knisja dejjem kienet fl-aqwa tagħha meta kienet profetika. Saħaq li dan mhux biss f’Malta iżda madwar id-dinja kollha. Kompla jispjega li l-Knisja tkun profetika meta ssegwi eżatt u b’mod awtentiku u ġenwin il-messaġġ ta’ Kristu.

“Il-Knisja dejjem imliet il-vojt fis-soċjetà”

Stqarr li f’Malta, il-Knisja kienet fuq quddiem meta offriet is-servizzi tas-saħħa meta dawn ma kinux jeżistu, kif ukoll servizzi oħra bħall-edukazzjoni, rijabilitazzjoni ta’ nies bid-droga, tfal bi problemi fil-familja, kif ukoll preparazzjoni għaż-żwieġ u għall-familja. Dun Jean saħaq li l-Knisja fis-soċjetà Maltija kienet dik li rat vojt fejn persuni li kellhom bżonn xi forma ta’ għajnuna ma kinux qed jintlaħqu, u għaldaqstant meta dan il-vojt ġie identifikat, imlietu l-Knisja. Sostna li meta l-Knisja tieqaf tagħmel dan ma tibqax relevanti. Fl-istess waqt spjega li l-messaġġ tal-Knisja huwa dejjem relevanti, iżda l-problema hi kif dan jitwassal.

Il-qassisin għandhom jiżżewġu?

Dun Jean fakkar li l-qassisin jieħdu l-wegħda taċ-ċelibat, jiġifieri li mhux se jiżżewġu. Sostna li hemm diversi raġunijiet għala ma jiżżewġux u ddeskriva din id-deċiżjoni bħala waħda għaqlija u li għandha tinżamm. Dun Jean spjega r-raġunijiet prattiċi wara din il-wegħda, filwaqt li ġab eżempju bih innifsu u qal li kieku kellu l-familja tiegħu din kienet tkun prijorità għalih.

Kompla jfisser li r-raġuni propja wara li qassis ma jiżżewwiġx hi waħda spiritwali. Sostna li l-messaġġ li qiegħed jagħti b’din il-wegħda hi li hemm xi ħaġa ikbar mill-imħabba bejn l-umani. Spjega li n-nies fil-fond ta’ qalbhom jixtiequ ċertu affezzjoni, ċertu mħabba u li jkunu aċċettati. Temm jgħid li b’dan il-mod, bħall-Knisja, is-saċerdot qed ikun profetiku billi ma jiżżewwiġx, billi ma jagħtix prijorità l-flus, u permezz ta’ ubbidjenza lis-superjuri tiegħu.

“Kont inktibt għall-kors tal-mediċina”

Meta jħares lura lejn il-vjaġġ tiegħu, iddeskriva kif il-proċess li jieħu madwar tmien snin, iżda jħoss li qisu kollox ġara ‘l bieraħ. Huwa qal ma’ Newsbook.com.mt li meta kien dieħel l-Università, kien se jmur għall-kors tal-mediċina iżda rriżenja xi ħmistax qabel biex jesplora s-sejħa.

Sostna li minkejja d-diffikultajiet li ġieli esperjenza, huwa dejjem ħassu f’postu u ħass li kienet għalih. Dun Jean qal li meta jħares lejn meta daħal s’issa, bid-daħka stqarr li ‘jixtieq jemmen li kiber’.

Dun Jean Govè daħal is-Seminarju f’Jannar 2012 u ġie ordnat saċerdot fis-27 ta’ April 2019. Huwa għandu 26 sena u joqgħod il-Mosta.

Filmat jinkludi filmati meħuda mill-Kurja, u sar minn Miguela Xuereb. L-intervista saret it-Tribunal tal-Knisja.