Filmat: “Sa issa m’hemmx investigazzjoni ulterjuri fuq Muscat” – il-PM

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li pubblikament mhux magħruf li se jkun hemm investigazzjoni ulterjuri jew xi proċeduri legali kontra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Huwa ġie mistoqsi dwar x’se tkun id-deċiżjoni dwar Joseph Muscat bħala deputat Laburista wara li Muscat ittieħed fid-depot tal-Pulizija u ġie mistoqsi dwar investigazzjonijiet li qed isiru. Stqarr li jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkostanzi, “wieħed irid jaġġusta ċ-ċirkostanzi kif ikunu”.

Il-Prim Ministru assigura wkoll lill-ġurnalisti li Joseph Muscat qatt ma okkupa pożizzjoni ta’ konsulenza miegħu jew mal-Gvern. Dwar il-konsulenza li ta lill-Gvern f’Ġunju li għadda, il-PM qal li dakinhar, Joseph Muscat ta l-fehma tiegħu għall-pakkett finanzjarju li tħabbar u ma kienx qiegħed konsulent tal-Gvern.

Huwa qal li l-awtoritajiet investigattivi speċifikament il-Pulizija għandhom jitħallew jagħmlu xogħlhom mingħajr ebda indħil.

Ilbieraħ fil-Qorti, il-Pulizija kkonfermaw li Joseph Muscat ġie mitkellem “taħt caution” meta ġie interrogat mill-Pulizija riċentament.