Filmat: Sa 35 Malti jmutu kull sena għax jirreżistu l-antibijotiċi

Bejn 25 u 35 persuna Maltija jmutu għaliex ġisimhom tant ġie mdorri għall-antibijotiċi li jitgħallem jirreżistihom. Dan qalitu Dr Charmaine Gauci waqt it-tnedija tal-Istrateġija għall-Prevenzjoni u t-Trażżin tar-Reżistenza għall-Antimikrobiċi f’Malta għas-snin bejn l-2018 u l-2025, li se tkun miftuħa għall-konsultazzjoni.

Dr Gauci spjegat kif ir-reżistenza antimikrobika hija kkawżata mill-użu ħażin tal-antibijotiċi. Fost l-eżempji li tkellmet dwarhom għamlet referenza għall-persistenza ta’ persuni li jitlobu għall-antibijotiċi lit-tobba tagħhom biex ifejjqu mard virali, bħat-tgħarrix tal-griżmejn. Spjegat li l-antibijotiċi m’humiex mediċini bi kwalitajiet li jfejjqu mard mhux infettiv.

Intant semmiet kif mill-iskoperta tal-peniċillina madwar 90 sena ilu, l-antibijotiċi rrevoluzzjonarizzaw il-prattika tal-mediċina u bdew jintużaw  sabiex jipprevjenu mard infettiv li jista’ jkun letali jekk mhux ikkurat. Mingħajr l-antibijotiċi, bosta trattamenti li jsalvaw il-ħajjiet ma kienux ikunu possibbli.

Għaldaqstant, meta l-ġisem irabbi reżistenza għal dawn il-mediċini tant importanti, mal-inqas infezzjoni li tista’ tiġi mfejjqa, jista’ jitlef ħajtu. Mir-riċerka ppreżentata fil-konferenza tal-aħbarijiet, mas-650,000 persuna li jiġu infettati jkollhom xi tip ta’ reżistenza għall-antibijotiċi fis-sena, minn dawn madwar 30,000 jitilfu ħajjithom.

Dr Gauci spjegat kif propju f’Malta, jekk jibqa’ ma jsir xejn dwar dan it-theddid tas-saħħa tal-bniedem, minn tal-inqas 16-il sodda kuljum se jispiċċaw okkupati minn persuni li jsofru minn reżistenza antimikrobika.

Dr Michael Borg, li tkellem aktar dwar l-istrateġija innifisha sostna l-bżonn kbir li strateġija tat-tip tiġi mfassla f’Malta. Spjega li s-sitwazzjoni ilha dejjem tiggrava għal madwar 60 sena u wasal iż-żmien li tiġi indirizzata.

Il-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija ġiet imnedija mis-Sovratindenza tas-Saħħa Pubblika u se tkun miftuħa sad-9 ta’ Diċembru.