Filmat: Robert Abela ma jemminx li Keith tilef il-mowbajl

Read in English.

Il-kandidat għal Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li ma jemminx li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri tilef il-mowbajl. Huwa qal dan meta mistoqsi waqt il-programm Xarabank.

Fil-programm ipparteċipa wkoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne li huwa t-tieni kandidat f’din l-elezzjoni interna tal-Partit Laburista. Ir-rebbieħ f’din l-elezzjoni jinħatar Prim Ministru. Fearne qal li huwa ma jafx x’għamel Keith Schembri filwaqt li qal li din hija problema li trid tissolva mill-Pulizija u mhux minnu bħala PM.

Il-mowbajl ta’ Keith Schembri issemma fil-Qorti waqt il-kontro-eżami tal-ispettur Keith Arnaud. Qal li meta l-pulizija marru d-dar ta’ Schembri, fetħitilhom martu. Huma talbu lil Schembri jagħtihom il-mowbajl u qalilhom, “Ma nafx fejn għamiltu, ma nafx fejn għamiltu, naħseb tliftu.”

Dwar jekk tnaqqasx mill-fiduċja li huma għandhom fil-Pulizija, Abela wieġeb billi qal li l-Pulizija għandha tuża kull mezz possibbli inkluż dak teknoloġiku biex tifttex il-mowbajl u f’każ li huwa jkun Prim Ministru huwa qal li jassigura li l-Pulizija jingħataw ir-riżorsi meħtieġa biex iwettqu dmirijiethom.

Ftit jiem ilu waqt intervista fuq Newsbook.com.mt, Robert Abela qal li kull darba li ħass li kellu jikkritka lill-Gvern għamel dan mingħajr ħadd ma waqqfu jew sikktu.

Fearne qal li l-mowbajl ma ntilifx mill-Pulizija iżda kien Keith Schembri li qalilhom li tilfu u għaldaqstant reġa’ saħaq li l-Pulizija jridu jsibu s-soluzzjonijiet.

Waqt intervista fuq Newsbook.com.mt, Chris Fearne qal li l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista ddiskuta lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri imma mhux lill-Ministru Konrad Mizzi.