Filmat: Robert Abela jniedi l-kampanja tiegħu biex isir mexxej; bla midja

Read in English.

Robert Abela nieda l-kampanja tiegħu sabiex isir mexxej tal-Partit Laburista, u għalhekk, Prim Ministru.

Dan wara li Joseph Muscat ħabbar li se jirriżenja f’Jannar. Abela qed jikkompeti kontra d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne sabiex isir il-mexxej tal-partit.

Fid-diskors li għamel fit-tnedija lbieraħ filgħaxija, li l-midja ma kinitx mistiedna għaliha, Abela kkommetta ruħu li l-Gvern immexxi minnu jwettaq “rivoluzzjoni soċjali” msejsa fuq “l-ekonomija li saħħaħ il-Gvern Laburista.”

Fost il-punti li elenka li beħsiebu jwettaq jekk ikun Prim Ministru:

  • It-twaqqif ta’ entità li tilqa’ sejħiet ta’ interess ta’ bejgħ ta’ propjetajiet mitluqin mingħand sidien privati. Din l-entità jkun xogħolha li tagħti prijorità lid-djar l-iżjed antiki u dilapidati.
  • Mediċini b’xejn għall-anzjani.
  • L-imgħallma ma jingħatawx permess iġibu ħaddiema barranin sakemm ma jħallsux lill-impjegati kollha, Maltin u barranin, il-paga sħiħa li jixirqilhom. Wiegħed li jkun hemm żieda fil-pagi.
  • Il-ħaddiema barranin iridu jaħdmu bil-ktieb tax-xogħol u jirċievu s-salarju sħiħ fil-bank.
  • Fuq medda ta’ ħames snin jitħawlu varjetajiet ta’ siġar kull fejn hu possibbli.

Temm jgħid li dawn il-miżuri li qed jipproponi jkunu possibbli jekk l-ekonomija “tibqa’ għaddejja b’mod vibranti.” Minkejja dan, Abela qal li fil-qofol ta’ kollox, hemm l-għaqda li jeħtieġ li tissaħħaħ kemm fil-Partit Laburista u anke fil-pajjiż.