Filmat: Riżultat tal-inkjesta tal-ħelikopter fil-jiem li ġejjin

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li qed jistenna riżultati mill-inkjesta tal-ħelikopter t’Għawdex, li qed titmexxa mill-Maġistrat Joe Cacciattolo, il-ġimgħa d-dieħla jew ta’ wara.

Il-Ministru qal li l-ispjegazzjoni ta’ x’ġara li tah il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex Joseph Fenech kienet tagħmel sens, iżda hu ordna inkjesta għaliex xorta xtaq verifika ta’ x’ġara eżattament.

Dan wara li l-ġimgħa l-oħra, pazjent li kien f’qagħda kritika daħal fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex fl-10.02am, u dam ma ttieħed l-Isptar Mater Dei f’Malta sal-4.30pm, għaliex il-ħelikopter allegatament ma kienx qed jaħdem.

Fearne qal li tkellem mal-Kap Eżekuttiv dakinhar stess tal-każ, iżda hu ma kellux x’jaqsam mal-fatt li Fenech neħħa xi ritratti li tella’ fuq Facebook dwar il-każ.

Din il-kitba tħassret fil-jiem li għaddew, u m’għadhiex tidher fuq il-profil pubbliku tal-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex.