Filmat: Ritratti espliċiti tal-maħbubin abbuż kbir onlajn – Il-Kummissarju għat-Tfal

L-akbar tip ta’ abbuż fost l-adoloxxenti li jkunu f’relazzjoni huwa t-tixrid ta’ ritratti explitiċi onlajn skont il-Kummissarju tat-Tfal Pauline Miceli.

Ma’ Newsbook.com.mt qalet li l-adoloxxenti għandhom joqgħodu attenti dwar x’ritratti jagħtu meta jkunu f’relazzjoni. “Mingħalik għandek boyfriend li mhux se jxerred ritratti tiegħek bla ħwejjeġ imma dan ixerridhom ma’ kulħadd” spjegat Miceli. Spjegat li meta jkun hemm xi tip ta’ abbuż onlajn, dan jiġi rrapurtat lill-Pulizija. Qalet li t-taqsima tal-kriminalità cyber għandha kuntatt dirett ma’ Facebook fost kumpaniji oħra biex ikunu jistgħu jwaqqfu ċertu attività milli tibqa’ għaddejja. Skont Miceli, tip ta’ abbuż ieħor huwa t-tixrid ta’ ritratti innoċenti ta’ tfal żgħar li mbagħad jintużaw mill-pedofili.

X’siti jew apps jużaw it-tfal dan iż-żmien?

It-Task Manager tal-Uffiċju tal-Kummissarju għat-Tfal Suzanne Garcia Imbernon qalet li dan iż-żmien, l-adoloxxenti jużaw apps bħal Facebook, Instagram, u Snapchat biex jibnu relazzjonijiet onlajn. Spjegat li t-tim tagħha jitkellem ħafna maż-żgħażagħ biex jitgħallmu aktar dwar is-siti u l-apps li jkunu qed jużaw.

X’tip ta’ riskji jkun hemm? Relazzjonijiet onlajn huma dejjem negattivi?

“Hemm diversi riskji fosthom cyber bullying permezz tal-internet, riskji ta’ privatezza, u anke jista’ jkun hemm riskji ta’ adulti li jippruvaw jirbħu l-fiduċja tat-tfal onlajn biex jabbużawhom” qalet Garcia Imbernon. Madanakollu spjegat li l-bini ta’ relazzjonijiet onlajn tista’ tkun ukoll xi ħaġa pożittiva u xi kultant it-tfal lanqas jindunaw li jkunu qed jagħmlu użu mit-teknoloġija.

It-tfal jieħdu parir qabel ma jagħfsu sign-up?

Garcia Imbernon qalet li ħafna tfal jitkellmu mal-ġenituri tagħhom qabel ma jabbonaw ma xi sit soċjali, però qalet li aktar ma dawn jikbru, aktar jagħmlu bħal ma jagħmlu sħabhom. Saħqet fuq l-importanza li l-ġenituri jieħdu aktar interess fil-midja soċjali u l-logħob li jkunu qed jilgħabu t-tfal.

Għal 14-il sena konsekuttiva ġie organizzat ir-Rights 4U live-in li din is-sena kien dwar ir-relazzjonijiet onlajn.

Filmat: Miguela Xuereb