Filmat: Rimi ta’ skart illegali fl-Imtaħleb

Aġġornat 06:37 PM

Read in English.

It-Tnejn 13 ta’ April, trakk kbir ta’ kuntrattur/żviluppatur magħruf deher jiddepożita mill-iskart tal-kostruzzjoni tiegħu f’waħda mill-aktar żoni mħaddra f’Malta, l-Imtaħleb. It-trakk kien akkumpanjat minn bulldozer li mbagħad illivella l-iskart tal-kostruzzjoni.

L-inċident tar-rimi illegali li nqabad fuq filmat u wasal għand Newsbook.com.mt jidher li mhux każ uniku. Informazzjoni li għandha din il-kamra tal-aħbarijiet tindika li nhar l-Erbgħa 15 ta’ April, kmieni filgħodu, kien hemm aktar trakkijiet jarmu skart tal-kostruzzjoni f’din iż-żona. It-trakkijiet instaqu b’veloċità massima.

Jidher li l-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat ġiet infurmata b’dan ir-rimi illegali u ntbagħat Pulizija fuq il-post. Newsbook.com.mt bagħat il-mistoqsijiet tiegħu lill-pulizija, iżda sal-ħin tal-pubblikazzjoni tal-artiklu ma kienet waslet l-ebda risposta.

It-Tnejn li għadda, il-ġurnal Times of Malta rrapporta li wara li sar rapport lill-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet notifika ta’ avviż u multi ta’ kuljum.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tkellmet ukoll dwar dan ir-rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni f’sit bejn il-Baħrija u l-Imtaħleb fl-14 ta’ April. Qalet li l-uffiċjali tagħha mill-ewwel bdew jinvestigaw ir-rapport u tkellmu wkoll mad-Direttorat tal-Infurzar fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar.

Qalet li l-għada, jiġifieri fil-15 ta’ April, l-ERA ħarġet ordni verbali lill-kuntrattur u s-sid tas-sit. Wara aktar investigazzjonijiet, l-ERA qalet li sabet li s-sit ma kienx Special Area of Conservation (SAC), iżda l-art kienet disturbata u kien hemm evidenza ta’ rimi simili li sar qabel.

Rimi ta’ skart ta’ kostruzzjoni f’Ta’ Qali

Jidher li l-istess kuntratturi għandhom vizzju jarmu l-iskart tagħhom tat-tip f’diversi lokalitajiet. Dan isir sabiex wieħed jevita milli jħallas għar-rimi tal-iskart b’mod legali.

Newsbook.com.mt kien irrapporta li f’Novembru tal-2018, ħames trakkijiet kbar, bulldozer of karozza ta’ wieħed mill-foremen tal-kumpanija inkwistjoni kienu qed jarmu l-iskart tal-kostruzzjoni tagħhom f’Ta’ Qali, qrib il-fabbrika abbandunata ta’ Southern Concrete Ltd. Dan kien twaqqaf wara li karozza tal-Pulizija waqqfet wieħed mit-trakkijiet għall-ħabta tal-11pm viċin il-Mużew tal-Avjazzjoni.

Ġurnalisiti ta’ Newsbook.com.mt kienu raw l-inċident b’għajnejhom u kienu rrappurtaw dak li ġara f’dettall. Il-pulizija aktar tard kienet qalet li mhux vera li spettur fil-karozza tal-pulizija kien kellem wieħed mix-xufiera tat-trakkijiet, minkejja li l-ġurnalisti raw dan iseħħ b’għajnejhom. Newsbook.com.mt kien ippubblika wkoll il-pjanċi tat-trakkijiet u żvela l-isem tal-post minn fejn kien ġie skavat l-iskart tal-kostruzzjoni. Bonnici Brothers Group (BBG) kien wieġeb lill-kamra tal-aħbarijiet jgħid li ma kienx konxju ta’ rimi ta’ skart illegali.

Il-Pulizija ma kienux ħadu azzjoni kontra l-kumpanija iżda l-art li fiha mal-10,000 metru kwatru se titnaddaf mill-Gvern fuq spiża tat-taxxi li jħallas il-poplu minflok mill-kuntrattur.

Rimi ta’ skart illegali fil-Qrendi

Intant, f’Diċembru tal-2018, Newsbook.com.mt ppubblika filmat li ttieħed minn qarrej f’sit fil-Qrendi li juri trakkijiet jarmu skart illegali matul il-jum. L-art inkwistjoni, skont sorsi, kienet isservi bħala barriera fil-passat u li kienet imtliet bi skart inert, isem ieħor għal skart tal-kostruzzjoni.

Aktar rimi ta’ skart illegali fis-Siġġiewi

F’Jannar tal-2019, Newsbook.com.mt rrapporta stqarrija tal-Partit Demokratiku li tgħid li r-rimi illegali f’Ta’ Qali waqaf, iżda issa qed isir viċin żona il-kosta qrib is-Siġġiewi.