Filmat: “Riedet teħles minn ibni” – missier

“Ma flaħtx ngħix hekk, imma l-aktar li ma stajtx inniżżel kienet meta xtaqet tabortixxi t-tarbija. Ma stajt qatt naċċetta li ibni jinqatel mingħajr ma jingħata opportunità jieħu nifs wieħed,” qal Paul* f’bikja waħda.
Paul huwa missier ta’ żewġt itfal li għadda minn abbuż fiżiku u mentali mill-eks sieħba tiegħu, u fi kliemu ilu sena ma jistax jara lil uliedu minħabba gideb ta’ s-social worker.
Stqarrija mill-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Soċjali
L-istorja ta’ Paul wasslet għal reazzjoni mill-Assoċjazzjoni tal-Ħaddiema Soċjali, li rrimarkaw li ntefa’ dell ikrah fuq il-ħaddiema soċjali inġenerali.
Madanakollu, Newsbook.com.mt ma tefax lil kull ħaddiem fl-istess keffa, għall-kuntrarju tal-kummenti ta’ social worker li tkellem magħna. Ir-rapport kien ibbażat fuq dak li qal Paul, kif tixhed l-intervista, fejn qal li r-rapport tas-social worker li sar fuqu kien “mimli gideb”.
Newsbook.com.mt b’din l-intervista ta vuċi lil min kien qed ibati u kien jonqos kieku m’għamilx dan, għax inkella min ibati qatt mhu se jsib għajnuna.
L-istqarrija tal-Ħaddiema Soċjali “tisħaq l-importanza li fil-pajjiż ikun hawn l-istrutturi neċessarji kemm legali kif ukoll amministrattivi li jkunu jistgħu jilqgħu dan it-tip ta’ lmenti u jittieħdu l-passi neċessarji fejn hemm bżonn.” Dan jikkonferma li bħalissa m’hawnx fejn wieħed jista’ jirrikorri biex iressaq ilment jew jeżerċita d-dritt fundamentali għall-appell.
 

"Se jkun hemm mekkaniżmu fejn wieħed jista' jappella r-rapporti li jsiru" – Il-Ministru Falzon
Dwar dan, qabel il-pubblikazzjoni tal-istorja, Newsbook.com.mt tkellem ukoll mal-Ministru għall-Familja, Michael Falzon, li kkonferma li hekk kif tgħaddi l-liġi, li sejjaħ “tat-Tfal”, se jkun hemm mekkaniżmu fejn wieħed mill-partijiet ikun jista’ jappella għal kull rapport li jista’ jsir dwaru.
Il-Ministru Falzon stess stqarr li bħalissa m’hemmx metodu kif persuna tappella dak li jkun intqal fuqha.
Intant Newsbook.com.mt irċieva kummenti minn kelliema għall-istess Ministeru wara li ġiet imxandra l-istorja ta’ Paul u xtaqet tikkjarifika li: “Kienet l-omm li telqet mir-residenza fejn kienet tgħix mar-raġel u wliedhom", eżatt kif irrapporta Newsbook.com.mt u kif qal Paul. Il-kelliema qalet ukoll li, “Is-Servizz tal-Ħarsien tat-Tfal u l-179 kienu involuti fil-każ minħabba rapporti li kien qed jagħmel il-missier fil-konfront tal-omm u speċifikament dwar il-ħila tagħha fit-trobbija.
Kompliet tgħid li "wara li, fuq talba tal-Qorti, kien sar is-social work report, fl-2015 beda l-aċċess taħt superviżjoni fl-Aġenzija Appoġġ. Dan l-aċċess twaqqaf mill-Qorti wara li l-ulied bdew iħossuhom skomdi u l-omm għamlet rikors lill-Qorti biex l-aċċess jitwaqqaf.”
Din hija konferma oħra ta’ dak li allega l-missier li qal li l-eks sieħba tiegħu ma tridux jara lil uliedu.
Il-kelliema għall-Ministeru żiedet tgħid ukoll li fl-2015 il-missier kien għamel xi lmenti mal-Kap FSWS dwar fejn kien isir l-aċċess. F’laqgħa mal-Kap Eżekuttiv, Alfred Grixti, “kien ġie mfiehem lilu li għandu jagħmel mill-aċċess esperjenza pożittiva kemm għalih kif ukoll għal uliedu flok joqgħod jinterroga kemm lil uliedu dwar x’tgħid ommhom fuqu jew għalfejn ma jkunux iridu jitkellmu miegħu. Kien ġie avżat ukoll li l-ħaddiema soċjali kienu qed jaġixxu fuq inkarigu tal-Qorti u li kienu fid-dmir li jirrappurtaw kollox lill-Qorti, inkluż l-imġiba tiegħu lejn uliedu waqt l-aċċess.”
“Fl-2016 il-Qorti tat digriet ieħor li fih tat aċċess għall-iben il-kbir imma dan l-aċċess twaqqaf wara li t-tifel beda juri li qed jibża’ u kien qed jirrifjuta jidħol fil-kamra fejn isir l-aċċess. F’dan l-istadju l-parir tal-professjonisti kien li l-missier u l-iben imorru għal terapija tal-familja. F’Mejju 2017 il-Qorti laqgħet rikors tal-missier biex jerġa’ jkollu aċċess mat-tifel il-kbir imma kemm dan it-tifel u kemm l-omm irreżestew li jsir dan l-aċċess.”
“F’dan l-istadju l-missier ippreżenta rikors biex tinbidel is-social worker imma l-Qorti caħdet din it-talba f’digriet ta’ Ġunju 2017 u minflok l-istess Qorti ordnat li psikologa mqabbda mill-Qorti tevalwa s-sitwazzjoni tal-familja u tipprova tirrikonċilja lill-ulied ma’ missierhom.”
“Ir-rapport tal-psikologa ġie ppreżentat lill-Qorti f’Ottubri 2017 u l-konklużjoni ewlenija kienet li l-missier u l-ulied għandhom jattendu għal terapija tal-familja (family therapy) flimkien. Imma, in vista tal-fatt li l-iben il-kbir kien għalaq is-16-il sena, r-rakkommandazzjoni tal-psikologa mqabbda mill-Qorti kienet li jkun it-tifel iż-żgħir li jmur għal din it-terapija ma’ missieru.”
Qalet ukoll li, “Wara li l-Aġenzija Appoġġ kienet notifikata b’dan ir-rapport mill-Qorti l-każ intbagħat lis-Servizzi Psikoloġiċi tal-Fondazzjoni u il-psikologa assenjata l-każ għamlet kuntatt mal-omm li bdiet tattendi t-terapija.
“Il-psikologa għamlet ukoll kuntatt mal-missier imma dan irrifjuta s-servizz. Fil-fatt talbitu jiltaqa’ magħha imma rrifjuta. Il-missier ġie kkuntattjat ukoll mis-Serizzi tal-Aċċess b’ Superviżjoni tal-FSWS imma l-missier la wieġeb it-telefonati u lanqas il-posta elettronika (emails) li ntbagħtitlu.”
X'jgħid ir-rappreżentant legali ta' Paul?
Newsbook.com.mt
ivverifika dawn il-punti mar-rappreżentant legali ta’ Paul u li, qal li għalkemm hemm xi punti li jikkonferma, ma jistax jifhem kif l-Aġenzija Appoġġ identifikat min hu l-missier. Huwa qal li minkejja li dejjem ikun hemm diffikultajiet f’dawn il-każi, dan huwa l-uniku każ li għandu hu li l-missier mhux jitħalla jara lil uliedu. Żied jgħid li huwa l-uniku każ ukoll fejn l-Aġenzija Appoġġ talbet is-sospensjoni tal-aċċess.
L-avukat qalet ukoll li Paul qatt ma sab appoġġ mill-Aġenzija Appoġġ fiċ-ċirkostanzi meta l-omm ippruvat timmanipula lil missier. Żiedet tgħid li kemm-il darba kien hemm aċċess ġewwa l-istess aġenzija dejjem kien hemm ostakli kbar, pereżempju li t-tifel jimrad ta’ sikwit mat-triq, skont l-omm. L-avukat tiċċara li t-tifel il-kbir għadu ma għalaqx is-16-il sena, kuntrarju għal dak li qalu l-Appoġġ. Tistaqsi jekk jistax ikun il-każ li l-Appoġġ qed jirreferu għall-każ ieħor.
Fissret li l-problema kibret wara li kien hemm rakkomandazzjoni għall-family therapy u  ħadd ma bagħat għalihom.
L-avukat żiedet tgħid li minbarra dan, fuq talba ta’ Paul il-Qorti ħatret lil Dr Charles Azzopardi li aċċetta l-inkarigu però ma kienx hemm kollaborazzjoni minn naħa tal-omm. Din qatt ma marret għat-terapija. L-avukat issostni li Paul tilef id-dritt tal-aċċess wara rapport li sar mill-Agenzija Appoġġ u minn hemm is-sitwazzjoni dejjem marret lura. 
Erba' professjonisti jirrakkomandaw li Paul għandu jara lil uliedu 
L-avukat qalet ukoll li huwa mar għand diversi professjonisti kwalifikati bħala psikologi u ebda wieħed minnhom ma qal li huwa għandu xi problemi li ma jistax jara lil uliedu, anzi kollha rrakkomandaw li jerġa’ jkun hemm il-bini tar-relazzjoni bejn l-missier u l-ulied.
Ir-rappreżentant legali jistaqsi għalfejn ikun hemm aċċess meta tiddeċiedi l-omm u għalfejn tkun l-omm stess li tiddeċiedi meta l-aċċess isir mingħajr superviżjoni.
Skont l-avukat, is-sitwazzjoni ddeterjorat peress li l-partijiet ikunu ostili għal xulxin speċjalment meta jiltaqgħu ġewwa l-Aġenzija Appoġġ. Qalet ukoll li ġie ssuġġerit li t-terapija ssir barra mill-aġenzija iżda l-omm ma kkollaboratx. Irreferiet għar-rapporti li saru lill-179 li semmew l-Appoġġ. Qalet ukoll li r-rapport mill-missier saru kull meta kien jaf li, allegatament, uliedu tħallew meta suppost kienu fil-kustodja ta’ ommhom. Allegatament l-omm kienet toħroġ u tħalli lil uliedha waħidhom id-dar.
L-avukat tgħid li hija ħasra dwar dak li qed iseħħ, għaliex kulma jrid dan il-missier huwa li jara lil uliedu. Qalet ukoll li s-snin u xhur għaddejjin minħabba nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn il-partjiet kollha involuti.  
Hija ttemm tgħid li l-uniku interess għandu jkun dak tal-ulied u għalkemm ir-relazzjoni tal-genituri spiċċat, l-ulied għandhom id-dritt li ma jitilfux l-kuntatt ma’ missierhom, l-istess missier li kien jieħu ħsiebhom qabel ma r-relazzjoni ma’ ommhom spiċċat.
*Isem mibdul