Filmat: “Ridtu ġġibu l-massa”; “Ma kontx qed nagħti pariri” – Hansford

Read in English.

Video of Brian Hansford at Dar Centrali during PN executive meeting

Posted by Civil Society Network on Thursday, July 16, 2020

Il-preżentatur fuq it-TVM Brian Hansford insista li m’għamel xejn ħażin meta nstema’ jgħid lil għadd ta’ partitarji ta’ Adrian Delia li riedu jġibu l-massa quddiem il-kwartieri tal-Partit Nazzjonalista.

Newsbook.com.mt ċempel lil Hansford u staqsih dwar il-filmat li tella’ bi żball fuq Facebook.

F’filmat li tella’ fuq Facebook live bi żball Hansford jinstema’ jgħid li “ilha ġejja” u li “it’s not fair”.

Hansford qal lil Newsbook li ma kienx qed jirreferi għall-vot ta’ sfiduċja f’Adrian Delia.

Fil-filmat ikompli jgħid li “bir-rispett kollu” lejn dawk li kien qed ikellem dak il-ħin “l-iżball” tagħhom huwa wieħed: li jridu jġibu l-massa.

Xi ħadd jinstema’ jistaqsih: Imma kif se ġġibha l-massa?

“Faċli nġibielek jien” iwieġbu Hansford. Jgħid li kull wieħed minn dawk preżenti jridu jġibu ħames min-nies.

Hansford jibda jitkellem dwar “il-pressure” imma mbagħad jinduna li qiegħed ixandar il-konverżazzjoni live fuq Facebook. Il-filmat imbagħad intemm hemmek. Il-filmat m’għadux jidher fuq il-profil ta’ Facebook ta’ Hansford.

Qal lil Newsbook.com.mt li ħadd mill-amministrazzjoni tat-TVM ma kellmu dwar il-każ.

Hansford qal lil Newsbook.com.mt li ma kienx qed jagħti pariri.

Hansford qal li dakinhar irċieva “tip off li hemm attività fil-PN”. Qal li qal lill-persuna li avżatu dwar dak li kien qed jiġri li jispera li jkun hemm in-nies. Dan biex ma joqgħodx jiġi għalxejn.

Qal ukoll li dan ma kellux x’jaqsam ma’ preżentazzjoni ta’ programm. Qal li dan kien “xogħol ġurnalistiku” għall-midja soċjali tiegħu biss. Qal li ma jitħallasx ta’ dan.

Hansford jisħaq li dak li ntqal dwaru ttieħed barra mill-kuntest.

Huwa qal li kien żball ġenwin li rrekordja lil dawk li kien hemm preżenti quddiem id-Dar Ċentrali. Qal li jiddispjaċih għalihom.

Hansford saħaq li m’għamel xejn ħażin.

Hansford qal ukoll li jiddispjaċih peress li ċerti oqsma tal-midja jattakkawh peress li huwa indipendenti. Qal li m’għandux min jaqbeż għalih.

Qal li Newsbook.com.mt hija l-ewwel kamra tal-aħbarijiet li qed tirċievi l-“verità sħiħa”.

Qal li ma marx quddiem id-Dar Ċentrali bħala preżentatur tat-TVM imma bħala ġurnalist.

Hansford qal li f’ħajtu dejjem etiku jkun.

Hansford staqsa wkoll lil Newsbook jekk hix parti mill-midja li hi skomda bih peress li joħroġ live b’xejn. “Hażin dak jiġifieri?” staqsa Hansford.

Huwa qal li ma kienx qed ikellem uffiċjali tal-PN. Qal li kienu “nies komuni”.

Fil-passat Hansford kien preżentatur fuq il-midja Laburista. Il-programm tiegħu Realtà ilu jixxandar fuq it-TVM mill-2012.

Hu kellu intervista ma’ Adrian Delia t-Tnejn li għadda.

https://www.facebook.com/watch/live/?v=936143123464110